Notifiki

Il-pandemija qed tiswa lill-kaxxa tal-Gvern ħames miljun ewro kuljum

Il-pandemija qed tiswa lill-kaxxa ta’ Malta ħames miljun ewro kuljum, bil-Gvern qed jonfoq tliet miljuni iżjed kuljum fuq diversi għajnuniet, u żewġ miljuni oħra minħabba daqqa fuq l-attività ekonomika.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, qal li ewlenin fost il-fatturi li wasslu għat-tnaqqis ekonomiku hemm is-settur turistiku.

Fl-elfejn u dsatax, ġew f’pajjiżna żewġ miljuni u tmien mitt elf turist, filwaqt li fl-elfejn u għoxrin ġew biss sitt mija u sittin elf.

Għal kull mitt ewro li kien jonfoq turist f’pajjiżna sentejn ilu, is-sena l-oħra n-nefqa niżlet għal għoxrin ewro.

Il-Ministru spjega li b’differenza għal dak li bassar il-Gvern fil-budget li għadda, issa li ngħalqu l-kontijiet, iċ-ċifra tad-defiċit hija ta’ għaxra punt wieħed fil-mija. L-istess ġara għal din is-sena, biċ-ċifra mhix se tkun dik imbassra ta’ ħamsa punt disgħa fil-mija imma ta’ tnax fil-mija.

Eventwalment, il-Gvern qed ibassar li sas-sena elfejn u erbgħa u għoxrin, il-livell tad-defiċit se jinżel taħt it-tlieta fil-mija.

Il-Ministru aċċenna li dan it-titjib, fl-ebda ħin, mhu se jseħħ bl-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda, u dan għandu jservi ta’ serħan il-moħħ għal min jinvesti f’pajjiżna.

Żied li minn tbassir ta’ surplus morna għal defiċit għaliex id-dħul minn dak proġettat naqas b’ħamsa u sebgħin fil-mija u l-ispiża żdiedet bi tlieta u erbgħin fil-mija.

Fost l-oħrajn, intefqu aktar minn tliet mija u erbgħa u tmenin miljun ewro f’Wage Supplements, tlieta u erbgħin miljun ewro f’vouchers, sebgħa u erbgħin miljun ewro fis-settur tas-saħħa u ħamsin miljun ewro fuq titjiriet ta’ ripatrijazzjoni biex inġiebu Maltin li nqabdu barra.

Il-Ministru qal li din is-sena wkoll, l-ispiża hija kbira, fost l-oħrajn fis-settur tas-saħħa, fuq l-Air Malta u fuq il-Wage Supplement li ġie estiż sal-aħħar tas-sena.

Qal “in-nefqa addizzjonali li għamel il-Gvern is-sena l-oħra u b’mod partikolari dis-sena, wasslu għal riżultati pożittivi fis-suq tax-xogħol fejn qed naraw li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna baqa’ b’saħħtu u fl-istess waqt, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li pajjiżna, is-sena d-dieħla, se jkollu fost l-akbar rati ta’ tkabbir ekonomiku madwar l-Unjoni Ewropea kollha.”

Intant, meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru responsabbli mill-Air Malta qal li nhar il-Ġimgħa se jkun fi Brussell fejn se jkollu taħdidiet importanti mal-Kummissarju Ewropew Margrethe Vestager biex tiġi diskussa l-għajnuna finanzjarja li tista’ tingħata lil-linja nazzjonali tal-ajru.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Ajma! Fi żmien il-pn kien ikollna biex inħallsu 5 miljuni kuljum!! Djun u ħofor kellha Malta fi żmienhom. Mur ġibna għadna taħthom waqt il-pandemija!!! Lanqas nimmaġina ma’ rrid! Kemm għandna biex nirringrazzjaw lil Mulej!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend