Żewġ Niġerjani ta’ 38 sena u 29 sena, u Indjan ta’ 23 sena, inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti l-Ħadd filgħodu akkużati b’ħasil ta’ flus.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif l-imputati tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus u allegat frodi permezz ta’ relazzjoni virtwali magħrufa aħjar bħala romance fraud, wara rapport li daħal lill-Pulizija minn ċittadina Maltija.
Dan il-każ imur lura għall-2019.
Intqal kif wieħed min-Niġerjani għamel transazzjoni ta’ 10,000 dollaru, u l-Indjan għamel oħra ta’ 2,800 dollaru.
Il-Prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi tal-imputati, bid-difiża appellat biex l-iffriżar ikun tal-ammont li ħadu mingħand il-vittma.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni dwar l-iffriżar tal-assi tal-imputati.
Fil-Qorti ntqal kif wieħed mill-akkużati diġà jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, minħabba involviment f’każ ieħor ta’ romance fraud fuq anzjana, fejn ma’ numru ta’ persuni oħra allegatament ħadu €58,000.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati, li ilhom jgħixu diversi snin f’pajjiżna u għandhom fejn jgħixu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għad hemm numru ta’ xhieda li jridu jixhdu, fosthom il-vittma stess.
Żiedet li l-investigazzjonijiet qed iwasslu biex jinkixfu aktar nies li qed jagħmlu dawn it-tip ta’ frodi.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u talbet lill-Prosekuzzjoni biex itella’ x-xhieda mill-iktar fis possibbli.
L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.