Il-Koħħu kien u għadu jibża’ mill-aħwa Degiorgio

Vince Muscat, il-Koħħu qal li kien ilu jaf lill-aħwa George u Alfred Degiorgio għal erbgħin sena u tenna li kien u għadu jibża’ minnhom.

Dan intqal hekk kif fil-Qorti sar il-kontro-eżami ta’ Vince Muscat hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Koħħu qal kif il-post ġewwa t-tinda tal-patata fil-Marsa nbena minn George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, hekk kif dak iż-żmien ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu kien qed jiskonta sentenza l-ħabs.

Vince Muscat qal li lil Melvin Theuma kien ilu jafu żmien twil, hekk kif kien jafu minn affarijiet illegali bħal logħob fuq l-idejn.

Il-Koħħu qal li kien qallu l-Fulu, li l-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia kien nieżel fit-tinda tal-patata u sab lil Darren Debono magħruf bħala t-Topo.

Hemmhekk Melvin Theuma kien qallu li għandu biċċa xogħol kbira.

Ix-xhud qal li Melvin Theuma niżel kemm il-darba fit-tinda tal-patata.

Qal kif Alfred Degiorgio kien xtara mobile lil Theuma sabiex ma jibqax jinżel it-tinda tal-patata ta sikwit.

Qal kif wara li xtara baqa’ jinżel xi drabi lejn dawk in-naħat, imma kien jibqa’ fil-karozza.

Il-Koħħu qal kif huwa wassal lil Alfred Degiorgio ġewwa ħanut tal-kafè fl-Imsida, għal ħames darbiet.

Tnejn minnhom seħħew fis-sajf tal-2017, fejn Alfred Degiorgio qallu li l-flus qegħdin f’idejh.

Ix-xhud qal kif Alfred Degiorgio kellu jispara lil Daphne Caruana Galizia u qal ukoll kif dik it-tip ta’ arma ma kienx jaf jużaha.

Fil-Qorti qal li huwa ma kienx se jispara minħabba li jara minn għajn waħda.

Vince Muscat qal li Alfred Degiorgio, il-Fulu urih fejn toqgħod Caruana Galizia u l-karozza tagħha.

Qal kif huwa flimkien ma’ Alfred Degiorgio kien imorru jagħmlu l-għassa, iżda qal kif qatt ma rawha.

Meta mistoqsi dwar l-ewwel pjan li tinqatel Caruana Galizia fl-2015, il-Koħħu ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ dak il-pjan u kien hemm nies oħra nvoluti fl-ewwel pjan.

Lura għal pjan tal-2017, il-Koħħu qal kif Alfred Degiorgio kien qallu biex jerġa’ jtih xi flus lura milli ngħata għal dan il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li talbu l-flus lura, hekk kif l-affarijiet kienu qed jieħdu fit-tul.

Il-Koħħu qal kif Alfred Degiorgio kien talbu parir sabiex ikellmu lil Chris Cardona u l-Koħħu kien qabel li jkellmu lil Cardona.

Qal li huwa qatt ma tkellem ma’ Cardona dwar il-pjan tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu l-Koħħu qal kif l-armi bħal rifles, kienu joħduhomlhom Jamie Vella u Robert Aguis, wieħed mill-aħwa tal-Maksar.

Qal kif mit-tlieta li tawhom, waħda biss baqgħet għandhom biex tintuża.

Semma wkoll kif Vella u Aguis kien se jġibu tliet bombi minn barra.

Vince Muscat qal kif dawn it-tnejn kienu dawk li poġġew il-bomba taħt id-dgħajsa u anke l-mobile.

Qal li darba minnhom iltaqgħu magħhom biex jispjegawlhom kif taħdem il-bomba.

L-Avukat Difensur staqsa lix-xhud dwar il-pjan li jpoġġu l-bomba waqt li kienet in-Notte Bianca u qal kif dak iż-żmien, il-bomba kienet lesta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend