Ippreżentati l-premjijiet lir-rebbieħa ta’ Mużika Mużika

Festivals Malta ppreżentat il-premjijiet lir-rebbieħa tal-festival Malti, Mużika Mużika, li għamel suċċess kbir mal-udjenza Maltija proprju ftit tal-ġimgħat ilu meta ttella’ bħala festival b’differenza.

Dan il-festival irnexxielu jikseb rispons pożittiv b’udjenza televiżiva numeruża ta’ aktar minn 320,000 spettatur fuq it-tliet iljieli ta’ Mużika Mużika.

Hu u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera faħħar it-talent tal-kantanti, tal-kompożituri u tal-awturi lokali li rnexxielhom jipproduċu materjal tal-ogħla kwalità għall-ewwel edizzjoni tal-festival.

Il-Ministru Herrera rrikonoxxa wkoll ix-xogħol u l-impenn tal-organizzaturi tal-festival taħt it-tmexxija ta’ Festivals Malta, l-aġenzija nazzjonali responsabbli minn diversi festivals lokali.

Il-Ministru Herrera ppreżenta l-premju monetarju ta’ €10,000 lil Philip Vella, il-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’ li kienet interpretata minn Glen Vella u miktuba minn Joe Julian Farrugia.

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, ippreżenta t-tieni premju ta’ €5,000 lil Gilbert ‘Bibi’ Camilleri għal ‘Għajjejt Inħobb’ interpretata minn Christian Arding u miktuba minn Rita Pace, li rebħet il-vot tal-ġurija u spiċċat fit-tieni post.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, ippreżenta t-tielet premju ta’ €3,000 lil Elton Zarb għall-kanzunetta ‘L-Ewwel Jien’, interpretata mill-grupp Kantera u miktuba minn Joe Julian Farrugia.

Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, ippreżentat it-trofew lir-rebbieħa tal-premju tal-Aħjar Interpretazzjoni u l-Aħjar Arranġament Mużikali lil Christian Arding u lil Norbert Camilleri rispettivament.

Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, esprimiet sodisfazzjon għall-kwalità tal-produzzjoni miksuba minn Festivals Malta filwaqt li awgurat lill-artisti kollha li pparteċipaw f’dan il-festival ta’ suċċess.

Fil-konferenza Stivala qalet kif Festivals Malta qed jipproduċi wkoll il-video mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’.

Norman Hamilton faħħar l-organizzazzjoni wara l-produzzjoni li rnexxielha tilħaq bosta udjenzi b’riżultati pożittivi. “Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut biex produzzjoni bħal din setgħet tkun possibbli fejn sejjaħ dan il-festival bħala pjattaforma prestiġjuża.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend