Notifiki

Sar mandatorju li tirrapporta suspett t’abbuż fuq it-tfal

Iddaħħal f’liġi ir-rappurtaġġ mandatorju ta’ suspetti jew għarfien dwar abbuż ta’ tfal taħt it-18-il sena.

Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali hekk kif ġie spjegat li dan il-kunċett qed jiġi introdott bħala parti mill-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li ddaħħlet f’Lulju li għadda.

Fil-fatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Konsulent Legali li ħadem f’din il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, l-Avukat Andy Ellul spjega li b’hekk issa se jkun hemm iktar ċertezza u regolamentazzjoni fir-rapporti li jsiru.

Dan filwaqt li b’hekk issa se jitħaffef il-proċess ta’ meta ikun hemm xi tip t’abbuż fuq minorenni.

Fl-indirizz tiegħu, Dr Ellul spjega kif din il-Liġi, issa mhux biss qed tħeġġeġ aktar kull ċittadin jagħmel rapport b’rabta ma’ reat, iżda tagħti obbligu legali lill-professjonisti jirrapurtaw.

Madankollu, Dr Ellul spjega li l-implimentazzjoni ta’ din l-emenda fil-liġi ma tfissirx li qed isir xi tip ta’ witch hunt fuq ġenituri, professjonisti u carers tal-minuri.

Saħaq kif din is-sistema dejjem kienet hemm bid-differenza li issa din tiġi regolata: “La kien hemm kif, la lil min u lanqas fuq xiex ħa tagħmlu dan ir-rapport allura b’dak li ħabbarna llum ħabbarna linji gwidi li jgħinu lill-professjonisti jistabilixxu jekk għandhomx jirrappurtaw, jikkonsultaw jew jieqfu hemm u qed ukoll inħabbru wkoll struttura ta’ kif għandha ssir.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon sostna li l-għan aħħari jibqa’ dejjem li jiġu protetti l-minuri.

Sostna kif b’hekk issa dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur għandhom l-għodda sabiex jipprevjenu l-abbużi qabel ma’ dawn isiru.

Il-Ministru Falzon tenna: “Illum qed inħabbru d-dħul ta’ kunċett li jagħti iktar protezzjoni. Qed nitkellmu dwar il-professjonisti li jekk ikollhom suspett ta’ ħsara li qed issir lill-minuri għandhom obbligu fir-regoli tal-professjoni tagħhom, imma għandhom ukoll obbligu legali li jirrapurtaw dak l-abbuż li hemm suspett għalih.”

Kull professjonist li jagħmel rapport għall-aħjar interessi tal-vittmi mhu se jkun suġġett għall-ebda passi legali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend