Notifiki

Intervista mimlija emozzjoni bejn Ministru u tfajla li tuża apparat teknoloġiku assistiv biex tikkomunika 

Martina, tfajla ta’ 13-il sena li kellha sfida biex tikkomunika qiegħda tuża apparat teknoloġiku assistiv li permezz tiegħu issa tista’ tikkomunika u b’hekk tkompli għaddejja bil-ħajja tagħha.

Dan permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €65,000 li għamlet l-Aġenzija Sapport fl-aħħar sena sabiex jitjiebu l-faċilitajiet u l-apparat li jintuża fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti, F’Ħal Far.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras ddeskriviet it-tip ta’ servizzi li jingħataw f’dan iċ-ċentru.

Hija fissret: “Ġo dan iċ-ċentru għandna ħafna sistemi ta’ teknoloġija assistiva fejn ngħinu ħafna tfal li ma jistgħux jikkomunikaw jew inkella jkollhom diżabbilità fejn anke tkun fiżika. Hawnhekk aħna bit-teknoloġija lit-tfal nilħquhom mill-ewwel għaliex nemmnu ħafna f’early intervention u għamilna ħafna investiment.”

Barra minn hekk, dan iċ-ċentru joffri għajnuna mingħand terapisti speċjalizzati fis-settur li jassessjaw lit-tfal sabiex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fejn persuna b’diżabbilità kemm fiżika kif ukoll intelletwali jkunu jistgħu jużaw it-teknoloġija, bħall-kompjuters.

Fl-aħħar xhur, dan is-servizz beda joffri wkoll appuntamenti ta’ konsultazzjoni lill-adulti b’diżabilitajiet varji.

Iċ-Ċentru joffri wkoll assessjar ta’ apparat assistiv li jgħin sabiex titjieb il-mobbilità ta’ persuna kif ukoll lezzjonijiet tas-sewqan fuq karozza li tkun modifikata apposta għal persuna b’diżabilità.

Wara li propju intervistata Martina, il-Ministru għall-inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet li din kienet probabli l-aktar intervista mimlija emozzjoni.

Saħqet li ċ-Ċentru Sonia Tanti, imsemmi għall-persuna b’diżabilità li ħadmet favur l-indipendenza ta’ nies bħalha, jgħin lil dawk kollha li jiffrekwentawh sabiex ikunu iżjed inklużi fis-soċjetà.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Dan huwa l-għan ta’ dan iċ-ċentru li nagħtu dik l-għodda l-empowerment u l-indipendenza lit-tfal u liż-żgħażagħ u huwa wkoll pass importanti qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Kemm huma importanti li bit-teknoloġija assistiva ngħinuhom jagħmlu dan b’mod faċli u b’mod iktar tranżitorju.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend