Notifiki

Delia jgħid li min weġġa’ lin-nies għadu fil-PN

“Il-problema hija li nies fil-Partit Nazzjonalista li weġġgħu ħafna mill-elettorat illum għadhom hemmhekk.”

Hekk stqarr l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia wara li żewġ stħarriġ ippubblikati l-Ħadd filgħodu fil-gazzetta t-Torċa u Maltatoday urew kif il-Partit Nazzjonalista għadu fl-istess ilma li kien fih fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. Barra l-parlament Delia qal kif l-elettorat ser jibqa’ jirrifjuta deputati li fil-passat weġġgħu lin-nies.

Delia qal, “Naħseb il-problema hi li l-Partit Nazzjonalista għadu ma weriex li ċerta nies li kienu weġġgħu ħafna mill-elettorat jew li bl-aġir u bl-għemil tagħhom warrbu ħafna mill-elettorat, għadhom hemmhekk u sakemm jibqgħu hemmhekk dak l-elettorat jibqa’ jirrifjuta lill-Partit Nazzjonalista.”

Dan f’botta ċara kontra persuni prominenti fl-establishment Nazzjonalista, fosthom Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina li lkoll qed jiġbdu l-ispag fit-tmexxija tal-Partit.

Delia kompla jtenni kif l-attitudni arroganti ta’ dawn in-nies fil-partit hija l-problema. Hawnhekk innota kif huwa kien ipprova jaġixxi dwar dan madankollu kien tneħħa minn Kap b’numru ta’ sfiduċji sabiex imbagħad ġie imbuttat mill-istess establishment Bernard Grech.

Delia sostna: “Dak li kien naqas illi jagħmel il-Partit Nazzjonalista, dak illi jien kont ħsibt li kien hemm bżonn li jinbidel fil-Partit Nazzjonalista effettivament in-nies qed jaħsbu li għadu ma sarx, għadhom ma sarux it-tibdiliet, partikolarment ta’ ċertu nies illi jibqgħu l-istess nies illi kellhom l-istess attitudni.”

Delia temm jgħid kif ir-riżultati tal-aħħar żewġ stħarriġ ikomplu juru kif ma kienx ġust li għal riżultati ħżiena ta’ stħarriġ li kien isir meta hu kien fit-tmexxija spiċċa intwera l-bieb ta’ barra hu. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħżel li ma jaġixxix biex ineħħi nies li għal snin twal għamlu l-ħsara lill-Partit.  Stqarr li sakemm dawn jibqgħu hemm hekk, il-problemi jibqgħu wkoll.

Huwa tenna: “Ma kienx ġust li la nwaħħlu fit-tmexxija, mhux għax jien personali ta, lanqas jiġifieri in the shorter run, hija attitudni illi ilha għaddejja s-snin min-nies illi baqgħu hemm għal snin u ovvjament mhux qed nitkellem għall-perjodu tal-passat riċenti u qabel ma ssir dik il-bidla fil-mentalità u fl-attitudni ħa jibqa’ l-Partit Nazzjonalista bil-problemi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Nies bhal Jason (Qabar ta’ Kristu) Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina mimlijin biza’ li se jibqghu l-art fl-elezzjoni li jmiss. J’alla jiehdu t-taghlima li tixirqilhom!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend