Notifiki

L-isħab soċjali jilqgħu l-inċentivi għat-turiżmu

L-imsieħba soċjali laqgħu b’sodisfazzjon l-inċentivi li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu sabiex jiġbed it-turisti b’mod sigur lejn pajjiżna.

Dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar pjan biex mill-ewwel ta’ Ġunju pajjiżna jibda jilqa’ t-turisti. Fil-fatt il-Prim Ministru kien ħabbar pjan ta’ €20 miljun sabiex pajjiżna jiġi jinċentiva t-turist barrani jagħżel lill-pajjiżna.

Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar żewġ inċentivi partikolari.

Turisti li jibbukjaw direttament f’lukandi Maltin se jingħataw għotja skont l-istilel li tħaddan il-lukanda, liema għotja se tiġi rduppjata mill-lukanda stess.

Dwar din l-iskema partikolari, ONE News ħa l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal- Assoċjazzjoni Maltija tas-Sidien tar-Ristoranti u l-Lukandiera, is-Sur Tony Zahra.

Qal, “Din kienet inizjattiva tajba ħafna mill-Gvern u għajnuna tajba ħafna għas-settur tal-lukandi, li issa qegħdin f’pożizzjoni biex ikollna xi ħaġa oħra biex nattrattaw in-nies hawn Malta. Naħseb li din se tkun iniżjattiva tajba u wkoll tajba għall-lukanda għax jistgħu jżidu s-sales tagħhom fil-lukanda u jekk ikunu ftit innovattivi allura se jkollok iktar suċċess.”

Intant hekk kif il-Gvern ħabbar skema oħra b’investiment ta’ €3 miljun li tolqot lill-operaturi tal-ivjaġġar biex ukoll iħajru lit-turisti jagħżlu lill-pajjiżna bħala d-destinazzjoni tagħhom, ONE News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, is-Sur Joe Muscat.

Huwa aċċenna fuq l-importanza tar-reklamar ta’ pajjiż li laqqam eluf ta’ nies.

Qal, “Dik hija miżura importanti ħafna għaliex aħna xorta waħda rridu l-għajnuna tal-operaturi turistiċi sabiex ikomplu jirreklamaw dawn il-gżejjer. Ma ninsewx li dawn l-operaturi turistiċi ilhom fuq sena ma jaħdmu u allura kemm hu importanti li nistimulawhom biex ikollhom dak l-inċentiv sabiex fir-reklamar tagħhom u fil-promozzjoni tagħhom lill-klijenti tagħhom idaħħlu wkoll lill-gżejjer Maltin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend