Notifiki

Jitlifha xħin issaqsih dwar id-dikjarazzjoni tiegħu li jagħti l-maħfra lil Yorgen Fenech

Waqt intervista politika, il-Kap tal-Oppożizzjoni għal darb’oħra tilifha bil-kbir meta ġie mistoqsi dwar l-għoti tal-maħfriet presidenzjali li kien semma.

L-atteġjament ta’ Bernard Grech ħareġ biċ-ċar meta kien intervistat mis-sit tal-Knisja, Newsbook.

Fil-fatt, Bernard Grech ġie mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni tiegħu li jagħti l-proklama lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

U hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni urta ruħu.

Meta kien mistoqsi: “Il-familja tal-ġurnalista, ħarġet bi ħġarha kontra din il-proposta għax hija minnu li maħfra wara maħfra, ħadd ma hu se jħallas tal-qtil tagħha. Għaliex din l-insistenza?”

Bernard Grech  stqarr: “Ma naqbilx miegħek ta’ bir-rispett kollu. Dan il-pajjiż jaffaxxinani, domanda li ssir mill-ġurnalista, inweġibha u f’daqqa waħda ssir insistenza tiegħi.”

Iżda ftit tal-ġimgħat ilu huwa ddikjara hekk għal darbtejn fi ftit jiem.

Grech kien qal, “Jekk hemm bżonn biex nagħmel dak, jiena iva intieh il-maħfra presidenzjali.”

Il-Ħadd filgħodu, Bernard Grech ma waqafx hemm.

Minkejja li fl-aħħar ġimgħat tressqu aktar nies l-Qorti jaffaċċjaw akkużi kriminali fuq l-involviment tagħhom f’omiċidji u anki ħasil ta’ flus fost oħrajn, Bernard Grech kompla ma’ dak li qed jgħid Simon Busuttil, li reġa’ daħal fix-xena politika lokali, u qal li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu.

Imbagħad Grech insista li xi kultant trid titkellem mal-kriminal: “Ma jkun hemm ebda triq oħra ħlief li tmur għand l-istess kriminal li wettaq ir-reat biex taqbad lil xi ħadd ikbar minnu li qabbdu jwettaq dak ir-reat.”

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mistoqsi wkoll dwar deputati tal-Partit Nazzjonalista fosthom Karol Aquilina, li se jaffaċċja akkużi kriminali.

Bernard Grech li tant jitkellem fuq il-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt, waqt l-intervista għażel li jxejjen dan kollu u saħansitra bħal donnu ddefenda l-aġir tad-deputat tiegħu.

Fil-fatt, ipprova joħloq dubju dwar l-azzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront tad-deputat tiegħu.

Huwa qal, “Huwa interessanti li propju issa lejliet elezzjoni f’daqqa waħda, il-Pulizija qed terġa’ tħares u tressaq anke jew ħa tipprova tressaq persuni li huma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.”

Saħansitra qal li d-deputati tiegħu qed jkunu fil-mira.

Dan minkejja li f’filmat deher Karol Aquilina jipperikola ħajjet uffiċjal tal-Pulizija, fi triqtu lejn il-Parlament.

Grech tenna: “M’għandi l-ebda dubju li d-deputati tagħna jista’ jkun qed jiġu targeted però dawn għandhom id-dritt li huma jiddefendu ruħhom.”

Fi tmiem l-intervista Bernard Grech ġie mistoqsi wkoll dwar il-pandemija.

Huwa ta’ x’jifhem li fil-pandemija li kieku hu kien Prim Ministru ma kienx ser jagħmel żbalji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend