Notifiki

“Għandha timbru tal-Caravaġġiżmu” – il-Prof. Sciberras dwar pittura rkantata 

Dik li kellha tkun pittura stmata li tiswa €1,500 fi rkant ġewwa l-kapitali Spanjola, Madrid, tista’ tkun il-pittura mitlufa ta’ Caravaggio bix-xena tal-Ecce Homo mpittra fis-seklu 17.

Il-Professur tal-Istorja tal-Arti, Keith Sciberras spjega kif l-influwenza ta’ Caravaggio f’dan il-kwadru, li spiċċa fl-aħbarijiet, qiegħda hemm.

Huwa stqarr: “Dan huwa kwadru tal-Ecce Homo, jiġifieri hemm Kristu qed ilibbsuh il-mantell, Pilatu u suldat warajh. Parti mill-passjoni ta’ Kristu. Caravaġġesk ħafna.”

Il-Professur Sciberras, vuċi awtorevoli b’mod partikolari fuq l-arti ta’ Michelangelo Merisi, magħruf aħjar bħala Carvaggio, spjegalna aktar dwar din is-sejba pjuttost interessanti fi djar tal-irkant żgħira f’Madrid.

Huwa sostna: “Minn dak li qed naraw kemm il-kompożizzjoni, natura u personaġġi jaqgħu f’dak li huwa t-timbru ġenerali tal-Caravaġġiżmu.”

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u Storja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, kompla jispjega li hu magħruf li Caravaggio ħadem fuq kwadru tal-Ecce Homo.

Huwa qal, “Nafu li Caravaggio ġie kkummissjonat b’dan il-kwadru minn ċertu wieħed massimi ġewwa Ruma. Hemm żewġ kwadri li naħsbu li jistgħu jkunu huma imma nafu wkoll li l-viċere ta’ Napli kellu l-kwadru tal-Ecce Homo u dan meta mar lura Spanja ħadu miegħu.”

Huwa sostna li mhux kull ma jleqq huwa deheb u tenna li għad irid isir studju dettaljat ħafna fuq il-pittura inkwistjoni li qanqlet interess.

Spjega li l-pandemija xekklitu minn xogħlu iżda qed jistenna aktar informazzjoni u ritratti dettaljati biex ikun jista’ jibda bil-verifiki ta’ dan il-kwadru.

Prof. Sciberras qal, “Forsi jien iċċewwiċt li ma mortx minħabba l-pandemija. Naf min mar u qalu li għandu aura. Bl-Ingliż jgħidu it takes the wall. Kif tarah iħallilek impatt u kif tarah tista’ tgħid li tajjeb jew inkella ta’ min jistudjah.”

Mal-milja taż-żmien, il-pittura li oriġinarjament ġiet irkantata sarulha xi tiswijiet u nżebgħet b’verniċ li llum sfar. Għalhekk qabel tiġi rrestawrata wieħed ma jistax jikkonferma l-oriġini tagħha.

Prof. Sciberras kompla jispjega: “Il-kwadru jidher li fih ħafna irtokk allura wieħed irid joqgħod kawt. Kien hemm min ħaseb li huwa oriġinali u kien hemm aktar dubjuż. Jiena nistenna ftit li narah.”

Staqsejna kemm tiġi tiswa kieku jiġi kkonfermat li din il-pittura hija verament ta’ Caravaggio.

Prof. Sciberras weġibna: “Fis-suq the sky is the limit għax jibda dieħel għalih kulħadd u qed ngħidu fuq il-mitt miljun però jien ma niġrix daqshekk għax jista’ jkun kopja jew verżjoni u jkun kwadru ta’ mitt elf ewro.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend