Is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji fi stqarrija qal li ħa nota tal-appell ta’ diversi għaqdiet volontarji b’rabta mal-avviż legali li jirregola l-istess qasam.
Intqal kif it-tfassil tal-avviż legali kien maħsub b’intenzjonijiet ċari favur it-tisħiħ ta’ trasparenza. L-istqarrija qalet kif fl-istess waqt, is-Segretarjat Parlamentari jifhem l-inkwiet tal-għaqdiet u se jkun qed jara li jindirizza dan it-tħassib.
Qal kif huwa infurmat li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ikkonsulta ma’ mijiet ta’ għaqdiet volontarji reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat dwar il-liġi li tirregola dan il-qasam.
Qal kif il-pass li jmiss huwa li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jersaq ’il quddiem ġaladarba jkun lesta l-proċess intern li permezz tiegħu se jkun qed jieħu pożizzjoni dwar dan l-istess avviż.
Fl-istqarrija ntqal kif is-Segretarjat Parlamentari qed iħares ’il quddiem li jiltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat sabiex flimkien jibqgħu jaħdmu għall-ġid tas-settur fejn bil-fatti, fl-aħħar żminijiet, kien hemm investiment dirett bla preċedent, liema investiment jiġi amministrat b’mod indipendenti mill-istess Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.