Notifiki

Pjan konsolidat biex aktar artisti lokali jibbenefikaw mill-programm ġdid ta’ Ewropa Kreattiva

Minn hawn u ftit ġimgħat oħra, ser jitnieda uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea programm ġdid ta’ fondi – Ewropa Kreattiva 2021-2027, li minnu Malta se tkun qed tibbenefika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li l-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027 għandu allokat żieda fil-fondi li jammonta għal baġit ta’ €2.4 biljun għas-seba’ snin li ġejjin.

Dan jawgura tajjeb għas-settur kreattiv u kulturali li saru forza ewlenija għal aktar żvilupp uman u li jiġġeneraw ġid ekonomiku akbar.

Intqal kif l-Uffiċċju ta’ Ewropa Kreattiva f’Malta ser jgħin sabiex l-artisti u l-kreattivi lokali jkollhom aċċess għall-finanzjament taħt dan il-programm.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kap tal-Uffiċċju, Joseph Lia, li ppreżenta l-inizjattivi li ġejjin minn dan l-uffiċċju.

Qal kif Malta hija waħda mill-14-il pajjiż magħżula għal din is-sena; il-Heritage Awards; u l-Premji tal-Udjenza Żagħżugħa, fejn it-tfal ta’ bejn 12 u 14-il sena huma mħeġġa jivvutaw għall-film favorit tagħhom mit-tliet films nominati għall-Young Audience Awards.

Bħalissa hemm miftuħ l-programm Portunus, li hu fond għall-mobbiltà għal artisti individwali.

Dawk kollha interessati huma mħeġġa jżuru s-sit elettroniku www.ewropakreattiva.mt u l-paġna tal-midja soċjali www.facebook.com/creativeeuropemalta.

L-uffiċċju jorganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni perjodiċi biex jispjega l-linji gwida tad-diversi fondi fi ħdan il-programm u joħloq għarfien dwar il-programmi innifishom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend