Notifiki

BIL-FILMAT: L-aġenzija Parks Malta b’ħidma li ssebbaħ spazji fil-komunità

L-aġenzija Parks Malta għaddejja b’ħidma ta’ tisbiħ tal-ispazji miftuħa.

Din il-kollaborazzjoni ser tibda bl-ewwel proġett tagħha mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.

Din il-kollaborazzjoni mistennija tara li dan l-ispazju f’San Ġwann ikun trasformat mit-telqa li bħalissa jinsab fiha.

F’din iż-żona ser jiġu nstallati bankijiet u vaska fost l-oħrajn.

It-trasformazzjoni ma tieqafx hawn però ser jitħawwlu siġar, pjanti u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi.

Il-pjanti magħżula ser jkunu ideali għall-ambjent u l-klima Maltija.

Il-Ministru responsabbli mill-aġenzija Parks Malta, Miriam Dalli saħqet li wara dan il-proġett u fi proġetti futuri l-pubbliku ser ikun jista’ jgawdihom minħabba l-ambjent li ser ikunu qed joffru, fejn wieħed ikun jista’ jaqta’ ftit mill-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha.

“Apparti li nkomplu ninvestu f’parks akbar qegħdin naraw li nidentifikaw żoni żgħar f’lokalitajiet differenti fejn nistgħu noffru spazju miftuħ lil familji u r-residenti ta’ dik il-lokalità. Qegħdin nagħmlu dan b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali għaliex nemmnu li nistgħu nagħtu spazju miftuħ fir-residenzi u fil-lokalitajiet tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech laqa’ dan il-proġett u għamel referenza għar-relazzjoni pożittiva li l-Kunsill Lokali għandu ma’ Parks Malta. Qal li l-aġenzija ħadmet ukoll fuq proġett separat li ra t-tħawwil ta’ ħamest’elef siġra u arbuxell madwar l-istess lokalità.

“Proġett ieħor varat ġewwa l-lokalità ta’ San Ġwann b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u Parks Malta. Il-Kunsill Lokali flimkien ma’ Parks Malta qegħdin nidentifikaw artijiet mitluqa u abbandunati sabiex ikollna ambjent aħjar,” temm jgħid is-Sindku ta’ San Ġwann.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend