Notifiki

BIL-FILMAT: Il-Gvern se jagħti għotjiet lil turisti li jagħżlu jirriservaw kmamar f’lukandi Maltin u Għawdxin

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jagħti għotjiet lit-turisti li jirriservaw kmamar f’lukandi Maltin u Għawdxin tul is-sajf li ġej.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Fil-fatt, il-Ministru Bartolo spjega li għas-sajf li ġej mal-35,000 turist barranin li jirriservaw kamra f’lukandi Maltin b’mod dirett, se jingħataw għotja ta’ flus mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, abbażi tal-istilel li tħaddan il-lukanda.

Turist li jagħżel lukanda ta’ ħames stilel se jkun qed jingħata għotja ta’ €100, dak li jagħżel lukanda ta’ erba’ stilel se jkun qed jingħata €75 filwaqt li turist li jagħżel lukanda ta’ 3 stilel se jkun qed jirċievi €50.

Intant permezz ta’ din l-iskema, l-lukandi li jipparteċipaw se jkunu obbligati jirduppjaw dawn l-inċentivi.

“Dan ifisser li persuna li bbukjat f’lukanda tal-5 stilel se tkun qed tibbenefika minn għotja totali ta’ €200, persuna li bbukjat f’lukanda ta’ 4 stilel se tkun qed tibbenefika minn għotja totali ta’ €150, u persuna li bbukjat f’lukanda ta’ 3 stilel se tibbenefika minn għotja totali ta’ €100. Dawn l-ammonti se jkunu qed jintefqu f’akkomodazzjoni, ikel jew xorb, jew inkella servizzi anċillari li joffru l-lukandi,” sostna l-Ministru Bartolo.

Lukandi li wkoll jissottomettu pjan ta’ reklamar sabiex jiġbdu lejhom it-turisti, fi żmien xahar se jkunu qed jingħataw budget allokat lilhom skont in-numru ta’ sodod li għandhom.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li “Dawn huma skemi li l-ewwel nett qed naraw kif bl-aħjar mod possibbli ninvestu l-flus, iżda aktar minn hekk huma skemi li se jkunu qed jiġġeneraw aktar minn €50 miljun fl-ekonomija maltija.”

Intant il-Ministru għat-Turiżmu ħabbar skema oħra b’investiment ta’ €3 miljun li tolqot lill-operaturi tal-ivjaġġar biex ukoll iħajjru lit-turisti jagħżlu lill-pajjiżna bħala d-destinazzjoni tagħhom.

Dan l-investiment se jkun qed ikopri ż-żieda f’promozzjoni u arranġamenti li diġà hemm fis-seħħ sal-lum. Din l-għajnuna tingħata biss jekk it-turisti jivvjaġġaw lejn Malta u Għawdex.

Fil-fatt, il-Ministru Clayton Bartolo sostna li diġà jeżistu arranġamenti ma’ operaturi turistiċi li ġejjin minn diversi pajjiżi.

“Sa issa diġà hemm madwar 75 arranġament ma’ operaturi turistiċi li ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom r-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda, l-Lussemburgu, u anke diversi pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa,” spjega l-Ministru Bartolo.

Dawn iż-żewġ skemi jagħmlu parti mill-pjan ta’ €20 miljun li ħabbar il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu biex jiġu attirati aktar turisti lejn pajjiżna.

Fuq nota separata relatata mat-turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu ħabbar ukoll li l-linja tal-ajru Czech Airlines, li hija l-linja tal-ajru nazzjonali tar-Repubblika Ċeka se tkun qed ittir lejn pajjiżna.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend