BIL-FILMAT: Ifiqu 53 persuna mill-COVID-19 u jfeġġu 48 każ

Fl-aħħar sigħat fiequ 53 persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew 48 każ minn fost 2,036 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. 75% tal-każijiet attivi ta’ COVID-19 huma tal-varjant Ingliż.

Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19, ingħataw 232,335 tilqima. Minn dawn, 65,205 persuni ħadu t-tieni doża.

Dan ikkonfermatu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fil-bulettin mediku ta’ kull ġimgħa. Fost l-oħrajn spjegat ukoll kif bħalissa, ir-rata ta’ testijiet pożittivi hija ta’ 2.6%, li juru kif l-aħħar miżuri li daħlu fis-seħħ ħallew il-frott.

Fost il-każijiet l-attivi li hemm bħalissa, 64 persuna qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet.

Il-Professur Gauci spjegat ukoll l-andament bħalissa fid-djar tal-anzjani hekk kif il-maġġoranza tar-residenti tlaqqmu.

Hija stqarret: “Fid-djar tal-anzjani kollha għandna medja ta’ aktar minn 96% tar-residenti li tlaqqmu. Dan jawgura tajjeb ukoll għall-miżura li se tibda minn nhar it-Tnejn, f’dawk id-djar li għandhom aktar minn 96% tar-residenti li tlaqqmu biż-żewġ dożi, għaddew ġimgħatejn, u allura bnew l-immunità, jibdew iżuruhom il-qraba.”

Il-Professur Gauci qalet ukoll li l-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini rċiviet 119-il rapport dwar effetti tal-vaċċin kontra l-COVID-19, u 41 minnhom kienu minn persuni li tlaqqmu bil-vaċċin tal-AstraZeneca. Hija ċċarat li l-maġġoranza tal-persuni rrapportaw effetti minimi bħal deni u uġigħ ta’ ras. Ikkonfermat ukoll li kien hemm żewġ każijiet irrapportati ta’ trombożi, iżda m’hemmx konferma li dawn kienu direttament relatati mal-vaċċin kontral-COVID-19. Każ minnhom kien ta’ persuna li tlaqqmet bil-vaċċin tal-Pfizer.

Hawnhekk fakkret ukoll li l-awtoritajiet ikomplu jsegwu l-effettività ta’ kull vaċċin u mediċina disponibbli fil-gżejjer Maltin, u għandhom id-dritt jinvestigaw kull effett li jkun irrapportat mill-konsumatur.

Hawnhekk appellat biex il-pubbliku jikkunsidra biss informazzjoni uffiċjali li joħorġu l-awtoritajiet dwar dan.

Prof. Gauci appellat: “Importanti li ssegwu r-rapporti li aħna nagħtuhom, għaliex dak huwa li veru qed jiġri, u mhux xnigħat fil-komunità. Din il-ġimgħa anke l-EMA tenniet li huwa importanti li nieħdu t-tilqim li ġie approvat għaliex ir-riskju li wieħed ikollu l-COVID-19 huwa ħafna aktar għoli mill-effetti li jistgħu joħorġu.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend