Ħamrun Spartans ġew iddikjarati champions tal-Kampjonat Premier, wara tletin sena.
It-tmien kampjonat ta’ Ħamrun Spartans ġie deċiż waqt il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA. Il-klabb Ħamruniż rebaħ dan il-kampjonat wara li ntlagħbu 75% tal-logħob tal-istaġun.
Tul l-istaġun, it-tim Ħamruniż baqa’ konsistenti, fejn fl-aħħar logħba li lagħab, għeleb lil Hibernians li ġew fit-tieni post.
Fil-Ħamrun sibna atmosfera ta’ festa minkejja li ċ-ċelebrazzjonijiet ma setgħux isiru bħas-soltu minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Dan hekk kif diversi persuni niżlu fi Strada Rjali, fejn il-ħornijiet tal-karozzi ddominaw din it-triq prinċipali bit-tpaqpiq.
Hemmhekk sibna preżenza qawwija tal-pulizija u uffiċjali oħra tal-Awtoritajiet tas-Saħħa jaraw li kulħadd josserva r-regoli marbuta mal-imxija.
Dan anki wara li l-Ġimgħa filgħodu, il-klabb appella għall-kawtela, ftit qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni mistenija li l-Ħamrun se jsiru champions.
Fil-Ħamrun iltqajna mal-eks plejer tal-Ispartans, Joe Brincat li kien parti mill-aħħar tim li rebaħ il-kampjonat qabel dak tal-lum. L-eks midfielder ta’ Ħamrun Spartans qal kif huwa “ta’ pjaċir ħafna wara dawn is-snin kollha. Id-dispjaċir huwa bis-sitwazzjoni li hija, wara 30 sena ma tistax tiċċelebra kif suppost, imma l-Ħamrun kien jixraqilna li nieħdu l-kampjonat. Naħseb kienu l-istaġun kollu tajjeb.”
Quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu kien hemm diversi persuni, li żammew id-distanza minn xulxin, fejn fost dawn kien hemm l-eks plejers tal-Ispartans Gejtu Refalo u Alex Azzopardi.
Gejtu Refalo qal kif dan “ifisser ħafna għax wara dawn is-snin kollha, tletin sena hu, iġġeddielhek il-memorji ta’ meta konna nilgħabu.” Filwaqt li Alex Azzopardi qal li “r-rebħ tal-Kampjonat huwa pjaċir għax wara tletin sena, pero fl-istess ħin dispjaċir għax kont nippreferi komplejnih.”
Bħal dawn l-eks stilel tal-Ispartans, nies oħrajn esprimew il-ferħ.