Id-Duka ta’ Edinburgh, Prinċep Filippu, li miet dalgħodu f’Windsor Castle fl-età ta’ 99 sena kellu rabta kbira u speċjali ma’ Malta tul ħajtu.
Il-Prinċep Filippu ġie hawn Malta l-ewwel darba fl-1949, sentejn wara li żżewweġ lill-Prinċipessa Elizabetta, li fl-1953 saret ir-Reġina tar-Renju Unit.
Huwa ġie hawn Malta minħabba li kien qed iservi fil-bażi navali li kienet stazzjonata f’pajjiżna.
F’dan iż-żmien, huwa għex mal-Prinċipessa Eliżabetta ġewwa Villa Guardamangia ġewwa Tal-Pietà.
Il-koppja għexet hawn Malta bejn l-1949 u l-1951.
L-ewwel żjara rjali tal-koppja, hekk kif Eliżabetta saret Reġina fl-1953, kienet sena wara fl-1954, bħala żjara tal-Commonwealth.
Id-Duka ta’ Edinburgh kien hawn Malta nhar il-21 ta’ Settembru tal-1964, meta Malta saret indipendenti mir-Renju Unit.
F’din iċ-ċerimonja, il-Prinċep kien għadda d-dokumenti formali tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza lill-Prim Ministru George Borg Olivier quddiem il-folla mdaqqsa li kien hemm dakinhar.
Filfatt, f’dan ir-ritratt, id-Duka ta’ Edinburgh jidher mal-ewwel Kabinett.
Huwa żar Malta fl-1967, 1992, 2005, 2007 u f’Novembru 2015, waqt il-laqgħa tal-Commonwealth.