Notifiki

L-ikbar pakkett ta’ għotjiet għall-użu ta’ vetturi li jħammġu inqas

F’numru ta’ skemi li jinċentivaw il-qalba għal karozzi li jħammġu inqas ġie mħabbar l-akbar pakkett ta’ għotjiet finanzjarji tat-trasport.

Dan hekk kif b’kollox hemm ħames skemi differenti li l-applikazzjonijiet għalihom jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-sit ta’ Transport Malta.

Fost dawn l-iskemi hemm dik li toffri l-opportunità li wieħed igawdi minn għotja ta’ €9,000 meta jirreġistra vettura elettrika ġdida u jiskreppja l-karozza li jkollu li tkun ilha iktar minn 10 snin li ġiet immanifatturata.  Dan filwaqt li jekk wieħed ma jkollux karozza x’jiskreppja dan igawdi xorta waħda minn €8,000.

Skema oħra hija dik li tinċentiva lill-pubbliku sabiex jaqleb il-karozza tiegħu għal waħda taħdem bil-gass.  Marbuta ma’ din l-iskema hemm l-għotja ta €400 għal kull vettura fil-kategorija M1 jew N1 li tkun immodifikata sabiex tkun tista’ taħdem bl-autogas.

Fost l-oħrajn dawn l-iskemi u oħrajn simili huma estiżi għall-kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u negozji.

Dawn ukoll jistgħu japplikaw għall-iskema tal-għotja ta’ €9,000 u €8,000 filwaqt li dawn jistgħu jgawdu wkoll minn għotja ta’ €12,000 u €11,000 rispettivament meta l-vetturi li jinxtraw ikunu kbar.

Hemm ukoll numru skemi indirizzati lejn ix-xiri ta’ mezz ta’ trasport alternattiv bħal mutur jew pedelec fost l-oħrajn.

Iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja spjega kif dawn l-iskemi huma parti sostanzjali mill-ħidma tal-entità għal qalba għal trasport iżjed sostenibbli.

Qal, “Trasport sostenibbli.  Dan huwa xogħolna u llum huwa tragward importanti ieħor fejn inkunu qed nirriflettu x-xogħol li jkun sar mill-uffiċjali tal-awtorità li jassistuni sabiex noħorġu b’numru ta’ ideat u proposti.”

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega kif filwaqt li l-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jinvesti fit-trasport pubbliku, hija realtà wkoll li bosta xorta waħda jagħżlu li jixtru l-vettura personali tagħhom.  Qal kif dawn l-iskemi huma mmirati sabiex anke dawn il-vetturi ikunu iżjed sostenibbli.

Spjega, “Nafu li xorta n-nies jixtru l-vettura privata, issa vetturi hemm diversi kategoriji, imma qed ngħidulhom, jekk xorta ser tixtru skrepjaw il-vettura li għandkom u ixtru vettura li ma tħammiġx, tal-elettriku.  U allura qed naraw li nżidu l-għajnuniet li l-Gvern qed jagħti żieda bla preċedent.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend