Notifiki

Kull familja f’Malta se tkun qed tirċievi żrieragħ ta’ erba’ fjuri

Kull familja fil-gżejjer Maltin se tkun qed tirċievi taħlita ta’ żrieragħ flimkien ma’ fuljett fuq kif għandek tiżra u tindokra dawn il-fjuri.

Fit-taħlita hemm inkluż erba’ speċi differenti; dik tal-Buttuniera, il-Peprin Aħmar, il-Kamomilla u l-Fidloqqom.

Dan qed isir bħala parti minn inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-biodiversità sabiex inkomplu nipproteġu n-natura.

Nicholas Scerri, Uffiċjal tal-Agrikultura fi ħdan Ambjent Malta stqarr għaliex dawn il-fjuri selvaġġi għandhom importanza kbira.

Spjega, “Dawn huma speċi ta’ pjanti li n-nies forsi familjari magħhom imma ma jafux li jikbru fin-natura Maltija. Kollha kemm huma għandhom benefiċċju lejn in-natura għaliex jattiraw id-dakkara u l-insetti bħan-naħal u l-friefet u wkoll għandhom kwalitajiet mediċinali.”

Ġie spjegat kif dawn l-ispeċi ta’ pjanti jipprovdu ikel u kenn għall-polinaturi fosthom, in-naħal, il-friefet fost oħrajn. Barra minn hekk, huma kapaċi jxerrdu l-pollin minn fjura għal fjura oħra permezz taż-żrieragħ tagħhom.

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, stqarr li dawn il-fjuri huma importanti għaliex barra li joffru l-kenn lill-polinaturi, ħamsa u tletin fil-mija tal-ikel fid-dinja jiġi mir-raba’ li kienu mdakkra mill-polinaturi u għalhekk it-tnaqqis tagħhom ikollu impatt negattiv fuq is-settur agrikolu kif ukoll fuq l-ekonomija globali u l-provisti tal-ikel.

Saħaq li jekk ngħarrfu lill-pubbliku dwar l-irwol tal-fjuri selvaġġi u nħeġġu lin-nies biex ikabbru dawn il-pjanti, inkunu qed nikkontribwixxu għal din l-inizjattiva fuq skala Ewropea.

Qal kif, “Qed isir kollox fil-kuntest tal-pjanta Ewropea dwar il-Biodiversità li se joħodna sal-elfejn u tletin imma wkoll fil-kuntest ta’ kampanja edukattiva dwar il-bżonn fl-ekosistema tagħna tal-polinaturi tajbin u importanti għall-għejxien u l-pjaneta tagħna”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend