Notifiki

Jinstabu traċċi ta’ TNT fl-isplussiv li qatel lil Daphne Caruana Galizia

Fl-isplussiv li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia, instabu traċċi tat-TNT. Dan intqal mill-espert tal-isplussivi, Dr Daniel Vella, waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Vella qal kif minn tlieta u għoxrin kampjun, li għaddewlu l-pulizija Maltija, flimkien mal-esperti Olandiżi, kien hemm tliet kampjuni minnhom li fihom instabu traċċi ta’ TNT.

Waqt din is-seduta, xehdu erba’ bugħaddasa, li dakinhar tal-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, fl-4 ta’ Diċembru tal-2017, huma niżlu taħt il-baħar fiż-żona tat-tinda tal-patata fil-Marsa. Intqal ukoll kif waqt dawn it-tfittxijiet li damu erbat ijiem, instabu sitt mobiles, batteriji tal-mobile u anke SIM Card holder.

Waqt din il-kumpilazzjoni, xehed ukoll l-Ispettur Charlo Casha flimkien ma’ tmien uffiċjali oħra tal-pulizija, li ntqal kif hemm numru kbir ta’ ritratti fuq ix-xena tar-reat u filmati bi drone.

Xehdu wkoll uffiċjali oħra, li qalu kif għamlu testijiet fuq il-karozza tal-vittma, xahar wara r-reat.

Xhieda oħra qalu kif għamlu testijiet forensiċi fit-tinda tal-patata, dakinhar tal-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Qalu kif huma għamlu l-eżamijiet fuq id-dgħajsa Maya, dgħajsa oħra bl-isem ta’ Cuben u żewġ karozzi pparkjati biswit it-tinda tal-patata fil-Marsa.

Waqt din il-kumpilazzjoni tal-Ħamis, xehdu diversi esperti forensiċi li kienu f’din l-investigazzjoni, sabiex jikkonfermaw ir-rapporti li għamlu huma fil-Qorti.

Fl-aħħar ta’ din kumpilazzjoni, id-difiża ta’ Yorgen Fenech qalet li trid tagħmel il-kontro-eżami tagħha fil-konfront ta’ Keith Schembri, Melvin Theuma u l-esperti tal-Europol, fost oħrajn.

Rapport bil-ħin

13:15 – Is-seduta ġiet aġġornata għall-14 ta’ April fl-10:00 ta’ filgħodu.

13:12 – Ir-raba’ bugħaddas huwa Stephen Said, li xehed kif fl-4 ta’ Diċembru nieżlu taħt il-baħar ħdejn it-tinda tal-patata.

13:09 – Fuq il-pedana tax-xhieda, tela’ jixhed Ivan Falzon li dak iż-żmien uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, li issa rtira. Qal kif l-ewwel darba li niżlu taħt il-baħar, sabu żewġ mobiles, fl-4 ta’ Diċembru 2017. Qal kif it-tieni darba li nieżel kien jumejn wara, fis-6 ta’ Diċembru.

13:07 – Ix-xhud qal ukoll kif dak kollu li sabu huma għaddewh lill-pulizija.

13:04 – Ix-xhud qal kif taħt il-baħar instab mobiles u anke batteriji tal-mobile u qal ukoll li nstabet SIM Card holder.

13:02 – It-tieni bugħaddas huwa s-Surġent tal-Forzi Armati ta’ Malta Mario Champ li qal kif kellhom struzzjonijiet li fl-4 ta’ Diċembru 2017 imorru jfittxu taħt il-baħar fiż-żona tat-tinda tal-patata fil-Marsa u ngħataw struzzjoni mill-Kaptan Matthew Sant, ix-xhud ta’ qablu.

12:49 – Jixhdu żewġ uffiċjali oħra mit-Taqsima tal-Forensika tal-Pulizija, b’dawn kienu l-aħħar esperti forensiċi. Issa jmiss ix-xhieda ta’ erba’ bugħaddasa.

L-ewwel xhud minn dawn il-bugħaddasa, huwa l-Kaptan Matthew Sant, li qal kif huma ngħataw istruzzjoni mill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn fl-ewwel ġurnata tagħhom fl-4 ta’ Diċembru u sabu l-ewwel mobile. Qal kif huma damu erbat ijiem, sal-Kunċizzjoni tal-2017 ifittxu taħt il-baħar, qrib it-tinda tal-patata.

Semgħa li kif kienu għaddejjin bit-tfittxijiet sabu sitt mobiles, li dawn ingħataw mal-ewwel lill-pulizija.

12:32 – Żewġ xhieda oħra telgħu jixhdu, fejn qalu li r-rapport tagħhom huwa dwar tfittxijiet li għamlu lill-impjegat tal-GO mill-pulizija fl-4 ta’ Diċembru tal-2017. Intqal ukoll kif saru tfittxijiet ġo karozza fl-istess kumpless u imbagħad l-għada saru tfittxijiet ġo garaxx f’Wied il-Għajn.

12:27 – Fuq il-pedana tax-xhieda telgħu żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija li qalu kif għamlu rapporti dwar tfittxijiet f’Ħaż-Żebbuġ u San Pawl il-Baħar, dakinhar tal-4 ta’ Diċembru. Qalu wkoll kif komplew bl-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet fil-jiem ta’ wara.

12:07 – Qalu kif huma għamlu l-eżamijiet fuq id-dgħajsa Maya, dgħajsa oħra bl-isem ta’ Cuben u żewġ karozzi pparkjati biswit it-tinda tal-patata fil-Marsa.

12:05 – L-uffiċjali tal-pulizija li hemm fuq il-pedana tax-xhieda tkellmu dwar kif huma għamlu testijiet forensiċi fit-tinda tal-patata, dakinhar tal-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, fl-4 ta’ Diċembru.

12:00 – Telgħu jixhdu aktar uffiċjali tal-pulizija, li kkonfermaw ir-rapporti murija fil-Qorti.

11:46 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ issa uffiċjal tal-pulizija li kkonferma r-rapporti li ntwera mill-Qorti. Intqal kif f’dan ir-rapport, huwa kien imqabbad sabiex jassisti lil Europol sabiex isiru t-testijiet fuq il-karozza tal-vittma, li kienu saru xahar wara d-delitt.

11:42 – Issa l-Ispettur Charlo Casha kompla jixhed waħdu, hekk kif kien imqabbad sabiex jagħmel eżami xjentifiku tad-DNA tal-aħwa George u Alfred Degiorgio. Huwa kkonferma wkoll ir-rapporti li ntwerew fil-Qorti.

11:24 – Fl-awla daħal l-Ispettur Charlo Casa flimkien ma’ tmien uffiċjali tal-pulizija, li huma stazzjonati fosthom fil-laboratorju xjentifiku tal-pulizija. L-uffiċjali tal-pulizija kkonfermaw li r-rapport li ntwera fil-Qorti kien sar minnhom. F’dan ir-rapport intqal kif hemm numru kbir ta’ ritratti u kopja tar-ritratti, forma ta’ filmati li ttieħdu fuq il-post tad-delitt.

11:11 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ Jesmond Cassar flimkien ma’ żewġ uffiċjali oħra tal-pulzija u huma kkonfermaw li għamlu r-rapport imsemmi mill-Maġistrat Montebello.

11:02 – Dr Daniel Vella qal kif huwa għamel rapport biex janalizza l-isplussiv użat f’din l-isplużjoni u huwa ngħata 23 kampjun differenti mill-pulizija Maltija u l-esperti Olandiżi. Qal kif fi tlieta minnhom instab li kien hemm it-TNT u dan l-istudju sar ġewwa l-Università ta’ Malta.

10:57 – Ix-xhud li jmiss kien Dr Mario Scerri, li kkonferma li r-rapport muri fil-Qorti huwa tiegħu.

10:55 – Ix-xhud li jmiss huwa Dr Ali Safraz, li għamel rapport dwar il-mod kif intaqtel il-vittma. Il-pataloġista qal li Carauna Galizia nqatlet riżultat ta’ diversi grieħi mill-ispluzzjoni.

10:48 – Wara li mxejna f’awla 22 li hija ħafna akbar u spazjuża, daħlet il-Maġistrat Rachel Montebello u l-akkużat Yorgen Fenech.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello telgħet tixhed l-ewwel xhud, Katia Vassallo li qalet kif ġiet imqabbda sabiex tagħmel traduzzjoni tax-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia.

10:26 – Fis-seduta tal-lum mistennija jixhdu 33 espert forensiku li kienu involuti fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Aktar qabel – Għall-ħabta tal-10:00 ta’ dalgħodu, f’awla 20 tal-Qorti mistennija tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend