Notifiki

Il-Covid-19 huwa fost il-mard infettiv li se jiġi riċerkat minn erba’ proġetti li ħadu fondi

Bħala parti minn investiment ta’ ftit iżjed minn tliet miljun u nofs ewro fir-riċerka għall-mard infettiv, ġew magħżula erba’ proġetti differenti li se jfittxu soluzzjonijiet għall-mard infettiv fosthom il-Covid-19.

Dawn ir-riċerki jirrelataw ma’ genome sequencing fejn tiġi studjata l-ġenetika tal-bniedem li kien infettat u l-ġenetika ta’ persuni oħrajn li qatt ma kellhom il-virus.

Dan kollu qed isir b’ħidma bejn il-Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

F’konferenza virtwali, il-Kap Eżekuttiv tal-MaltaEnterprise Kurt Farrugia stqarr li l-iskemi li għandha l-MaltaEnterprise rigward ir-riċerka u l-innovazzjoni, ikopru l-proċess kollu kemm tal-istudju tekniku kif ukoll is-salarji u xi spejjeż oħrajn.

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, qal li fl-ewwel żviluppi tal-pandemija, deher b’mod ċar li l-isfidi u d-diffikulatjiet nazzjonali u globali jistgħu jingħelbu permezz tar-riċerka u għalhekk kien importanti dan il-fond.

Hawnhekk il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli qalet li mill-elfejn u tmintax  sal-elfjen u għoxrin, l-investiment fir-riċerka kiber sew u din hija għajnuna diretta lill-pazjenti u biha tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-mard infettiv.

Qalet, “Bdejna b’mitejn u għoxrin elf ewro investiti fis-sena elfejn u tmintax għal erba’ miljun ewro investiti fis-sena elfejn u għoxrin li hija s-sena tal-pandemija. Il-ħsieb ta’ dan il-Gvern huwa li nkomplu naħdmu biex naċċertaw ruħna li issa nagħmlu l-pass li jmiss fejn nagħqdu flimkien ix-xogħol li jagħmlu l-akkademiċi u r-riċerkaturi max-xogħol li jsir minn negozju biex dik ir-riċerka tiġi kummerċjalizzata.”

Minn naħa tiegħu, l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Istrateġija wara Covid-19, Owen Bonnici, saħaq li din l-inizzjattiva hija investiment fit-talent tar-riċerkaturi tagħna u xhieda tal-fatt li x-xjenza u r-riċerka huma kruċjali għal futur aħjar.

Spjega, “Il-bżonn ta’ ħolqien ta’ ekosistema robusta ta’ innovazzjoni f’pajjiżna hija mira ta’ gvern sħiħ. Il-Gvern kollu jemmen favur din id-direzzjoni għat-tisħiħ ta’ pajjiżna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend