Notifiki

Minkejja l-imxija kien hemm min xorta qabeż fil-baħar fil-festa ta’ San Girgor

Mill-kappella ta’ San Klement għall-qalba tal-belt biex jiċċelebraw l-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid magħrufa aħjar bħala l-festa ta’ San Girgor.

Wara purċissjoni ta’ adorazzjoni, huma bosta li kienu jinżlu sax-xatt ta’ Marsaxlokk ftit minuti ‘l bogħod biex jaqbżu qabża fl-ilma wara x-xhur kiefra tax-Xitwa.

Din il-festa hija xhud ta’ tradizzjoni antika u t-twemmin Kristjan f’pajjiżna.

Etienne Schembri, li jitkellem fuq il-kultura u għandu għal qalbu ż-Żejtun spjega li din it-tradizzjoni tal-festa ta’ San Girgor, l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir, tmur lura ferm.

Huwa qal, “Ħadd ma jaf eżattament għaliex m’hemm xejn dokumentat iżda jista’ jagħti wkoll il-każ illi din ma kienet xejn marbuta mal-wegħda minħabba l-imxija tal-pesta. Il-kantur minflok kien joqgħod jiġi jiġbor il-qbiela tal-għelieqi ftit ftit, kienu rabtu din il-ġurnata, l-Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir illi jiġi fiż-Żejtun u fil-madwar, jinġabru ħdejn il-knisja ta’ San Girgor x’aktarx u li jiġbor il-qbiela minn hemmhekk wara li titqaddes quddiesa.”

Iż-Żwieten sadanittant iħasru lejn din il-festa b’tama biex xi darba f’dan il-jum, l-Arċisqof jaħtaf l-opportunità biex forsi jħabbar b’digriet elevazzjoni fit-titlu tal-knisja ta’ Santa Katerina.

Huwa tenna: “Illum il-ġurnata nħares lejn San Girgor forsi xi darba l-Arċisqof jiġina b’figolla kbira u dak li ilna nitolbu għalih forsi li l-Knisja tagħna tiġi elevata b’xi titlu, jagħtihulna f’forma ta’ figolla u jiġi jagħtina dan id-digriet fuq ċertifikat li nkunu nistgħu nwaħħlu fil-knisja.”

Intant waqt quddies fil-Knisja ta’ San Girgor, l-Arċisqof Charles Scicluna semma fatt kurjuż marbut ma’ din il-festa b’għeruq fondi.

Mons. Scicluna tenna: “Waħda mill-affarijiet sbieħ ta’ wara t-tieġ kien li l-għarusa, lill-mara tiegħu, dak ir-raġel miżżewweġ ġdid fjamant, biż-żarbun iżaqżaq iġibha hawnhekk. Jieħdu pjaċir jaraw dak il-pellegrinaġġ sabiħ bil-konfraternitajiet u l-isqof jieħu sehem, jasal hawnhekk u mbagħad kienu jinżlu Marsaxlokk jieklu xi ikla tajba u jkun hemm xi żgħażagħ jagħmlu l-ewwel għuma.”

Filwaqt li din is-sena l-purċissjoni ma saritx u l-knisja kienet magħluqa għall-pubbliku, f’Marsaxlokk xorta waħda kien hemm min ittanta xortih u mar jgħum l-ewwel għawma għal din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend