Notifiki

Kollaborazzjoni li ser toffri appoġġ u taħriġ għal startups ġodda

Ftehim iffirmat mir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia ser joffri appoġġ u għarfien lil startups ġodda.

Il-ftehim ser jibni relazzjoni ta’ kollaborazzjoni u permezz taċ-Ċentru għall-Imprenditorjat u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju fi ħdan l-Università ta’ Malta ser tkun qed tipprovdi taħriġ biex imbagħad startup tkun tista’ tibda l-proċess biex tirċievi għajnuna finanzjarja mill-Malta Enterprise.

Dawk l-applikanti li jtemmu l-proċess ta’ applikazzjoni b’suċċess ser igawdu appoġġ u gwida fuq perjodu ta’ sena mill-faċilità TAKEOFF.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia stqarr li grazzi għall-gwida, l-applikanti ser ikunu jistgħu jiżviluppaw l-idea u l-ħsieb wara l-istartup.

Huwa qal, “Dan il-ftehim bejn il-Malta Enterprise u l-Università ta’ Malta ser ikun qed jgħin anki biex jassisti l-intrapriżi anki mil-lat ta’ mentorship. Allura hija parti mill-inizjattivi kollha tal-Malta Enterprise biex l-intrapriżi u l-istartups anki permezz tal-websites startinmalta.com u permezz tal-inċentivi tissaħħaħ l-ekosistema ta’ startups ġewwa Malta.”

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella sostna li t-taħriġ għandu impatt dirett fuq ir-rata ta’ tkabbir ta’ negozji ġodda.

Hu stqarr: “Nużaw l-expertise illi għandna on board fl-Università biex nittrenjaw aktar u aktar nies f’dak li għandu x’jaqsam mal-intrapriża u li nagħtu l-kompetenzi lil min irid jikkonverti idea jew riżultat ta’ riċerka fi prodott kummerċjali jagħmel dan b’aktar faċilità u effiċjenza.”

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Ministri Miriam Dalli u Justyne Caruana li għamlu enfasi fuq l-aspetti ta’ appoġġ u edukazzjoni li ser joffri dan il-ftehim lill-impredituri.

Dan filwaqt li l-Professur Russel Smith, id-Direttur taċ-Ċentru għall-Imprenditorjat spjega kif il-Malta Enterprise u l-Università ta’ Malta ser jikkollaboraw fuq rapporti b’riċerka biex jiġu ppreżentati lil diversi istituzzjonijiet.

Aktar informazzjoni u materjal ta’ taħriġ jista’ jinkiseb minn takeoff.org.mt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend