Notifiki

In-nefqa fil-benefiċċji soċjali matul is-sena l-oħra qabżet il-biljun ewro

Matul is-sena l-oħra n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali qabżet il-biljun ewro u kienet disgħa u sebgħin miljun ewro aktar mis-sena ta’ qabel.

Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.

In-nefqa soċjali matul l-2020 kienet tlaħħaq kważi l-biljun u s-sebgħa u sebgħin miljun ewro.

Skont l-NSO, in-nefqa fuq benefiċċji kontributorji bħall-pensjonijiet kienet tammonta għal ftit aktar minn tmien mija tmienja u sebgħin miljun ewro.

Erbatax-il miljun u nofs ewro minn din is-somma kienet għall-benefiċċji marbuta mal-imxija.

Fid-dawl li l-Gvern kompla jagħti żieda wara l-oħra lill-pensjonanti, l-istatistika uffiċjali wriet li kien hemm żieda ta’ 8.3% fuq in-nefqa tal-Gvern fil-benefiċċji kontributorji.

Fil-fatt matul l-2020 l-Gvern nefaq kważi erbgħin miljun ewro aktar fil-pensjonijiet u sitt miljun u sitt mitt elf ewro aktar fuq il-pensjonijiet tar-romol.

In-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedet ukoll matul is-sena li għaddiet.

Fil-fatt imqabbel mal-2019, in-nefqa kienet 6.2% iżjed u laħqet il-mija tmienja u disgħin miljun ewro u sitt mitt elf ewro.

Fid-dawl li l-Gvern żied l-għajnuna lill-persuni b’diżabilità, kien hemm żieda fil-benefiċċju t’għajnuna lill-persuni b’diżabilità.

Fil-fatt dan kien l-aktar benefiċċju mhux kontributorju li għalih żdiedet in-nefqa.

Hawnhekk il-Gvern nefaq erba’ miljun u erba’ mitt elf ewro aktar.

Fiċ-children’s allowance u fl-in-work benefit, dak il-benefiċċju tal-qgħad li jinqata’ gradwalment meta tidħol fid-dinja tax-xogħol, kien hemm żieda fin-nefqa ta’ żewġ miljun u tliet mitt elf ewro u żewġ miljun u mitt elf ewro rispettivament.

Miċ-children’s allowance gawdew aktar minn ħamsa u erbgħin elf u sitt mitt familja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend