Notifiki

€100,000 mill-programm tar-residenza għar-restawr tan-niċċa ta’ San Pawl fir-Rabat

In-niċċa ta’ San Pawl fil-Pjazza tas-Saqqajja fir-Rabat ser tiġi rrestawrata b’investiment ta’ €100,000 wara ftehim bejn l-Aġenzija Komunità Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.

Din in-niċċa nbniet lura fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet il-belt antika tal-Imdina fis-seklu 18.

Tul iż-żmien, din in-niċċa dejjem kienet ta’ importanza għal poplu Rabti tant li huma bosta iċ-ċelebrazzjonijiet li saru madwar din in-niċċa. Mibnija fuq stil Barokk sinonimu mal-Kavalieri ta’ San Ġwann, in-niċċa fiha ukoll kappella żgħira bi statwa ta’ San Pawl.

Fl-2002 in-niċċa kienet ġiet irrestawrata b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija Taljana.

Minkejja, ir-restawr tal-2002 l-elementi naturali ħallew l-effetti tagħhom fuq din in-niċċa. Fost l-aspetti l-aktar li għandhom bżonn attenzjoni hemm biċċiet neqsin, pjanti u erożjoni li f’postijiet tinsab fi stadju avvanzat. Saħansitra, minn ġewwa l-kappella, il-figura ta’ San Pawl u l-ħitan biswit tagħha iridu jiġu mnaddfa, miżbugħa u kkurati kontra l-elementi speċjalment tal-ilma.

Wara l-iffirmar tal-ftehim is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li l-investiment fuq din in-niċċa sar grazzi għal programm ta’ residenza.

Huwa stqarr: “Il-ġid li qed nattiraw minn dak li kien il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment illum il-programm ta’ residenza b’investiment inkomplu intejbu il-kwalità tal-ħajja mhux biss tar-Rabtin imma ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din l-akwata.”

Min-naħa tiegħu is-Sindku Rabti Sandro Craus iddeskriva l-proġett bħala wieħed ambizzjuż.

Tenna ukoll l-importanza storika li din in-niċċa għandha.

Huwa qal, “Huwa proġett fejn ħa nirrestawraw in-niċċa ta’ San Pawl. Niċċa li tmur lura għal żmien il-Kavalieri u allura jekk wieħed iħares warajna tindunaw f’liema stat ħażin tinsab din in-niċċa. Din hija ikona għar-Rabtin, hija ikona ukoll għal poplu Malti u Għawdxi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend