BIL-FILMAT: L-iskejjel se jiftħu gradwalment minn nhar it-Tnejn u l-ħwienet mhux essenzjali se jiftħu mis-26 t’April

Minn nhar it-Tnejn li ġej se jerġgħu jibdew jinfetħu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, childcare centres u kindergartens.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Il-Prim Ministru ħabbar li mit-Tnejn se jiftħu l-iskejjel primarji, childcare centres u kindergartens.

L-Erbgha 14 ta’ April se jkunu qed jinfetħu l-iskoli medji filwaqt li l-Ġimgħa 16 ta’ April se jinfetħu l-iskejjel sekondarji jiġifieri mill-Form 3 sal-Form 5.

L-iskejjel post sekondarji se jibqgħu jaħdmu b’sistemi online

Fil-Berġa ta’ Kastilja l-Prim Ministru spjega li dan se jsir bil-protokolli meħtieġa u l-akbar attenzjoni hekk kif it-tfal f’pajjiżna għandhom bżonn l-esperjenza skolastika.

Apparti dawn il-miżuri b’rabta mal-edukazzjoni, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fl-istess żmien se jkomplu ċertu operazzjonijiet mhux urġenti fl-isptar Mater Dei.

Mit-Tnejn ukoll, fid-Djar tal-Anzjani se jerġgħu jkunu permessi ż-żjarat

Intant fis-26 April jistgħu jerġgħu jibdew jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali u wkoll jingħataw servizzi mhux essenzjali.

Fl-istess data r-regola ta’ żewġ persuni li jistgħu jkunu barra flimkien fil-pubbliku se titla’ għal erba’ persuni.

Il-miżuri l-oħra kollha għat-trażżin tal-imxija se jibqgħu fis-seħħ u se jibqa’ jkun hemm l-infurzar.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega wkoll li l-miżuri se jkunu jistgħu jerġgħu jiġu mposti lura jekk l-isptarijiet f’pajjiżna jkunu taħt pressjoni.

B’hekk saħaq, li issa mhux il-mument li nillaxkaw mill-osservanza tal-miżuri restrittivi.

Fil-fatt, Dr Abela spjega li l-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti, u l-isport jiddependi fuq il-ġimgħat li ġejjin skont kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi.

Dr Abela spjega wkoll li d-data tal-1 ta’ Ġunju hija l-mira ta’ fejn pajjiżna se jerġa jiftaħ għat-turiżmu b’mod proattiv u fejn se pajjiżna se jiġi reklamat bħala wieħed mill-aktar siguri fl-Ewropa.

Dan sabiex jiġi salvat sajf ta’ turiżmu.

Dwar dan il-Prim Ministru spjega li l-Gvern alloka €20 miljun.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li x-xewqa tkun li l-ewwel ta’ Ġunju jerġgħu jibdew isiru t-tiġijiet bil-protokolli għalhekk spjega li issa mhux il-mument li naqtgħu qalbna.

B’rabta ma’ dawn il-miżuri ġodda, il-Prim Ministru spjega li Malta ilha għal dawn l-aħħar 13-il xahar tiġġieled il-pandemija b’ħafna sitwazzjonijiet fejn kellhom jittieħdu deċiżjonijiet differenti għaliex is-sitwazzjoni hija fluwida.

Madankollu spjega li dejjem twarrbet l-idea li pajjiżna jmur f’lockdown kif ried ħaddieħor.

Qal li x-xjenza qatt ma indikat li kellu jiġi impost lockdown.

Il-Prim Ministru spjega li dak li tħabbar huwa frott riżultat tas-sagrifiċċji tan-negozji, il-familji, l-anzjani u anki t-tfal.

Qal li dan huwa wkoll riżultat tat-tilqim li għaddej b’ritmu tajjeb ħafna f’Malta.

Prime Minister Robert Abela, Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne, and Superintendent of Public Health Prof. Charmaine Gauci address a press conference-Auberge de Castille, Valletta-7-4-21
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend