ARA: Il-lista tar-restrizzjonijiet li se jibdew jonqsu minn nhar it-Tnejn

Dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja indirizzata mill-Prim Ministru Dr Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, tħabbar rilaxx ta’ numru ta’ restrizzjonijiet u miżuri oħra li se jibdew deħlin fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.

Edukazzjoni:

Minn nhar it-Tnejn 12 ta’ April se jerġgħu jinfetħu l-iskejjel gradwalment.

  • It-Tnejn 12 ta’ April se jinfetħu l-ewwel iċ-childcare centres u kindergarten u l-iskejjel primarji.
  • L-Erbgħa 14 ta’ April jidħlu l-istudenti li jattendu fl-iskejjel medji jiġifieri Form 1 u 2.
  • Il-Ġimgħa 16 ta’ April jidħlu studenti li jattendu fi skejjel sekondarji jiġifieri minn Form 3 sa Form 5.
  • Studenti li jattendu f’istituzzjonijiet post-sekondarji se jibqgħu jieħdu l-lezzjonijiet tagħhom online.

Saħħa:

  •  Minn nhar it-Tnejn li ġej fl-Isptar Mater Dei se jibdew jerġgħu isiru l-operazzjonijiet skedati hekk imsejħa elective surgeries u operazzjonijiet mhux meqjusa urġenti

Anzjani:

  •  Mit-12 ta’ April jistgħu jerġgħu jsiru żjarat fid-djar tal-anzjani.

Ħwienet u servizzi mhux essenzjali:

  • Mis-26 ta’ April jistgħu jiftħu ħwienet u jibdew jingħataw servizzi li mhumiex essenzjali.

Gruppi fil-pubbliku:

  • Mis-26 ta’ April erba’ persuni mhux mill-istess residenza jistgħu jkunu fil-pubbliku flok tnejn.

Turiżmu:

  • Il-Prim Ministru Dr Robert Abela semma li flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, qed jimmiraw illi fl-ewwel ta’ Ġunju pajjiżna se jiftaħ għat-turiżmu b’mod proattiv.

Tiġijiet:

  • Fl-ewwel ta’ Ġunju se jibdew isiru t-tiġijiet skont il-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Attivitajiet reliġjużi:

  • Mill-Ħadd 18 t’April se jkun permess li jerġa’ jsir il-quddies fil-knejjes.

Il-ftuħ tar-ristoranti, bars u t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet dwar attivitajiet sportivi jitħabbru aktar ’il quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend