Il-Forzi Armati ta’ Malta saħqet li dgħajsa bl-immigranti li fl-aħħar jiem ġie allegat minn xi għaqdiet li kienet f’diffikultà fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta, waslet f’territorju Taljan waħida b’magni jaħdmu u ma tħallitx tegħreq.
Fi stqarrija l-Forzi Armati ta’ Malta qalu li l-allegazzjonijiet li s-suldati Maltin ħallew din id-dgħajsa għal riħha huma infondati.
L-istqarrija spjegat kif iċ-ċentru ta’ kordinament ta’ salvataġġ ta’ Malta segwa lid-dgħajsa u l-immigranti fuqha baqgħu jsostnu li waħidhom riedu jmorru lejn id-destinazzjoni mixtieqa.
Il-Forzi Armati ta’ Malta ppubblikaw ritratt juri d-dgħajsa miexja b’mod tajjeb b’żewġ magni, riesqa lejn it-territorju Taljan.
Il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li jiddispjaċihom li din mhux l-ewwel darba li għaqdiet mhux governattivi ħarġu informazzjoni skorretta u falza.
Spjegaw li dan il-fatt jaħli riżorsi nazzjonali fuq każijiet mhux meħtieġa meta imbagħad hemm każijiet oħra importanti fejn tiġi meħtieġa l-għajnuna umanitarja tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Ġie rimarkat li huwa komuni li dgħajjes bl-immigranti li jkunu jridu jidħlu fl-Italja jgħaddu miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.