Notifiki

Keith Schembri u żewġ akkużati oħra jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Keith Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit.

Dan wara li f’digriet tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Qorti rat kif fl-aħħar jiem komplew l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ.  Dan filwaqt li l-fedina penali tal-imputati hija waħda netta.

Keith Schembri u sieħbu fin-negozju Malcolm Scerri ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €60,000 u garanzija personali ta’ €90,000.  Robert Zammit ingħata l-ħelsien fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €110,000.

Dan kien it-tielet digriet mogħti dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati Keith Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit.  Fid-digriet li ngħata l-ġimgħa li għaddiet il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ missier Keith Schembri, Alfio Schembri.

Wara dan l-aħħar digriet mogħti mill-Qorti l-Avukat Edward Gatt stqarr kif mingħajr preġudizzju d-difiża beħsiebha tirrimetti ruħha għad-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-prima facie f’dawn il-proċeduri.

B’hekk il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi prima facie sabiex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.  Dan qabel il-kawża ġiet diferita għall-11 ta’ Mejju.

Intant, fl-istess seduta qabel ingħata d-digriet komplew jinstemgħu għadd ta’ uffiċjali tal-korp tal-pulizija li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu mal-arresti jew it-tfittxijiet tal-akkużati.

13:09 – Il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi prima facie sabiex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Il-kawża hija diferita għall-11 ta’ Mejju fit-8.30.

13:05 – Id-difiża stqarret li mingħajr preġudizzju d-difiża beħsiebha tirrimetti ruħha għad-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-prima facie f’dawn il-proċeduri. Dan ifisser li mhux ser ikun ikkontestat jekk hemmx biżżejjed provi sabiex l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

12:58 – Il-Qorti ħadet nota li fl-aħħar jiem komplew l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ u tal-fedina penali netta tal-imputati. Hija nnutat ukoll l-evidenza hija preservata. Għalhekk laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet imputati.

Keith Schembri u Malcolm Scerri ngħataw €60,000 depożitu, b’garanzija personali ta’ €90,000. Filwaqt li Robert Zammit ngħata €40,000 f’depożitu, b’garanzija personali ta’ €110,000.

11:56 – Il-Qorti ser tkun qed tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati sas-siegħa ta’ waranofsinhar. Dan ser ikun it-tielet digriet mgħoti dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati Keith Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit. Fid-digriet li ngħata l-ġimgħa li għaddiet il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ missier Keith Schembri, Alfio Schembri.

11:49 – L-Avukat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-akkużati instabulhom ammont ta’ flus kontanti d-dar u għalhekk l-ordni ta’ ffriżar ma tfissirx li m’għandhomx minfejn iħallsu depożitu. Il-Qorti qalet li llum għalkemm l-investigazzjonijiet għadhom ma ntemmux illum jidher li dawn imxew ħafna.

11:44 – Huwa temm jgħid li huwa kien jieħu pjaċir jaħdem mal-Imħallef Emeritu Vincent De Gaetano, u qal li dan qed jgħidu f’kuntest għal jekk il-Qorti tilqa’ t-talba u tiġi biex tiddeċiedi dwar depożitu. Qal li meta jkollok ordni ta’ ffriżar ma kienx jimponi depożitu għaliex l-imputat kien diġà jkollu toqol finanzjarju kbir hekk kif l-assi tagħhom diġà jkunu ffriżati kollha. Qal kif dawn mhux huma biss, iżda anke n-nisa tagħhom u l-familjari tagħhom. Qal li huwa importanti li d-depożitu ma jintużax biex filwaqt li t-talba għall-ħelsien tkun milqugħa l-akkużati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt.

11:38 – Qal kif issa qed inkomplu naraw ix-xhieda dwar il-mertu. Qal li jidher mill-provi li ħerġin li l-każ issa huwa fi kliemu “very stale”. Qal li minkejja li jifhem il-prosekuzzjoni, fil-kawża tal-lum kellhom jixhdu xhieda li huma sensittivi. Qal li issa jidher ovju li dan il-każ idur ma provi dokumentati. Huwa fakkar kif huwa diġa qal li ma jistax ikun li l-Qorti tkun ikkundizzjonatha li d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ma tkunx f’idejn il-Qorti għal kollox. Huwa kkwota sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani u kif din tgħid li l-fatt li ċertu proċeduri ta’ investigazzjoni jkunu għadhom għaddejjin bl-ebda mod ma twaqqaf l-għoti tal-ħelsien mill-arrest lill-akkużat. Spjega kif wara din is-sentenza tkompli tikkwota ħemel sentenzi oħra.

Huwa kompla jispjega kif ġuristi Ewropej marru oltre u f’sentenzi urew li meta l-prosekuzzjoni tgħid li għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin, din trid tkun sostanzjatha. Qal li dan l-argument kien abbraċjat minn din il-Qorti stess u hawn kompla jikkwota sentenzi oħra lokali tal-istess Qorti.

11:31 – Issa ser issir it-trattazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. L-avukat tal-uffiċju tal-avukat ġenerali qalet li l-oġġezzjoni tagħhom għall-ħelsien mill-arrest hija simili ħafna ta’ dik fit-talba preċedenti. Il-Qorti staqsietha din il-ġimgħa xi żviluppi kien hemm fl-investigazzjonijiet. Hija qalet li din il-ġimgħa l-investigazzjonijiet baqgħu għaddejjin. Hija qalet li l-investigazzjonijiet madankollu għadhom mhux konklużi. Il-Qorti għalhekk fehmet li s-sitwazzjoni mid-digriet ta’ qabel li ngħata dwar il-ħelsien mill-arrest issa nbiddlet. L-avukat difensur Edward Gatt spjega kif issa mhux ser jerġa’ jidħol fil-punti li għamel fit-trattazzjoni tat-talba preċedenti.

11:27 – L-ispettur Omar Caruana stazzjonat l-FCID tela’ fuq il-pedana tax-xhieda. Spjega kif huwa kien involut fit-tfittxija li saret fit-Three Cities Studio b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar Keith Schembri. Spjega kif wara li ġie arrestat huwa inġieb hemmhekk fejn saret tfittxija qasira fil-post. Spjega kif din it-tfittxija damet għaxar minuti biss qabel mat-tfittxija kompliet fil-fabbrika tal-Kasco Paper. Spjega wkoll kif huwa kien involut fl-arrest u t-tfittxija fid-dar ta’ Robert Zammit. Dan infurmahom li kien fi kwarantina mandatorja. Huwa tah koppja tal-mandat tal-arrest u l-‘attachement order’. Huwa talbu wkoll il-mobile tiegħu l-password u dan tahomlu.

11:22 – Qed jixhed issa John J. Cauchi mill-FCID li kien ukoll involut fl-arrest tal-akkużat Malcolm Scerri. Spjega kif huwa kien wieħed mill-uffiċjali li baqa’ ħdejn id-dar u li nforma lil Scerri kif wasal li huwa kien taħt arrest. Qal li elevaw mobile, laptop u €11,950 fi flus kontanti mill-uffiċju. Qal kif wara ħaduh il-klinika tal-Furjana sabiex jarah tabib minħabba li hu qalilhom li jagħmel użu minn xi mediċina. Huwa temm jgħid li Scerri kkopera wara l-arrest.

11:17 – Is-seduta kompliet u uffiċjal ieħor issa qed tixhed dwar l-arrest tal-akkużat Malcolm Scerri. Spjegat kif dakinhar meta marru jarrestawh id-dar, huwa kien qed jilgħab it-tennis lejn ir-Rinella. Ġie spjegat kif marru wkoll uffiċjali tal-pulizija għalih iżda huwa laħaq wasal id-dar fejn kien għad hemm l-uffiċjali tal-pulizija jistennewh. Huwa ġie infurmat minnufih bl-arrest. Huwa urihom l-uffiċju tiegħu li jinsab kif tidħol fir-residenza tiegħu.

10:32 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech spjegat kif minħabba l-ispeditezza li biha qed jinstemgħu x-xhieda il-kawża ser tkompli fil-ħdax sabiex jilħqu jiġu numru ta’ xhieda oħra li kienu mgħajjta għal wara nofsinhar.

10:28 – Dan wara li l-avukat Edward Gatt issuġġerixxa li jkomplu jinstemgħu x-xhieda sal-ħdax u nofs u wara jitrattaw il-ħelsien mill-arrest.

10:27 – Il-partijiet avviċinaw il-Qorti sabiex jitkellmu dwar kif ser tkun imqassma l-kumplament tas-seduta tal-lum.

10:18 – Uffiċjal ieħor qed tixhed dwar l-arrest ta’ Robert Zammit. Qalet li dan kien jinsab fi kwarantina mandatorja u għalhekk ma setax ikun arrestat. Ġie spjegat kif ittieħidlu l-mobile ftit tal-ħin wara.

Qed ikomplu jinstemgħu x-xhieda ta’ uffiċjali differenti dwar it-tfittxijiet u l-arresti tal-ħdax il-persuna li kienu tressqu l-Qorti fl-20 ta’ Marzu li għadda.

10:09 – Xehed ukoll il-kuntistabbli Shaun Cutajar mill-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Dan kien preżenti għat-tfittxijiet li saru lil Karl Cini. Qal kif ġew elevati numru ta’ affarijiet li ġew issiġilati f’basktijiet differenti. Qal kif saret tfittxija wkoll fl-uffiċju ta’ Nexia BT fejn ġew elevati laptop iswed u pendrive.

Uffiċjal ieħor tal-korp tal-pulizija xehed ukoll dwar tfittxijiet li saru fl-uffiċju ta’ Manuel Castagna li wkoll qed ikun akkużat b’rabta ma’ dan il-każ.

Uffiċjal ieħor mill-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus spjegat kif hija kienet involuta fit-tfittix li sar fid-dar ta’ Manuel Castagna.

09:40 – Is-seduta tinsab wieqfa ghal ftit minuti.

09:27 – Meta kien mistoqsi mill-avukat Edward Gatt, l-ispettur qal li l-akkużat ikkopera tul dawn it-tfittxijiet u ma kienx hemm problemi.

09:26 – L-uffiċjal Maniscalco mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi spjega kif fil-21 ta’ Settembru 2020 kien involut fit-tfittxijiet li saru fid-dar ta’ Keith Schembri. Qal kif huma ħabtu l-bieb u fetħet il-mara tal-akkużat. Wara niżel l-akkużat u l-ispettur ippreżentatlu l-mandat t’arrest u ta’ tfittxija. Qal kif fost l-oħrajn sabu żewġ iPhones, numru ta’ pendrives u laptops, fost l-oħrajn.

Wara marru jagħmlu t-tfittxijiet f’uffiċju ieħor fejn ma sabu xejn u wara marru l-fabbrika tal-Kasco. Saret tfittxija fl-uffiċju tiegħu u minn hemmhekk ġew elevati laptop u tower ta’ kompjuter.

09:22 – Xehdu ukoll żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija dwar tfittxijiet li saru fir-residenza ta’ Brian Tonna wara li arrestawh lura f’Settembru tal-2020. Huma spjegaw ukoll kif wara għamlu tfittxijiet ukoll fl-uffiċini ta’ Nexia BT f’San Ġwann. Qalu kif f’dawn it-tfitxijjiet ġie elevat numru ta’ apparat elettroniku li seta’ kien relevanti fl-investigazzjoni.

09:17 – Fil-kontro-eżami huwa ġie mistoqsi dwar meta darba l-pulizija bagħtet għall-akkużati kollha u l-avukati kienu taw il-parir biex dawn ma jwieġbux. L-ispettur ikkonferma li dan kien minħabba li fil-midja kien diġà hemm rapporti jgħidu li dawn kienu ser ikunu mixlija fil-Qorti kif imbagħad ġara dakinhar filgħaxija stess. Qal li ħlief għal dakinhar l-akkużati dejjem ikkoperaw u wieġbu għall-mistoqsijiet.

09:10 – Huwa spjega kif meta kien interrogat Malcolm Scerri, huwa kien qal li dwar il-ftehim tal-Progress Press kellhom bżonn esperti fil-qasam u Buhagiar kien idonju. Scerri kien qal kif l-offerta tagħhom fil-proġett tal-Printing Press kienet 2/3 miljun ewro irħas mill-offerta l-iktar qrib tagħha.

09:06 – Fil-Qorti nstema’ kif il-ħlas li kien isir lil Hillmann għall-konsulenzi tiegħu lill-kumpanija Kasco kien isir minn kumpaniji barra minn xtutna. Intqal kif dan minħabba li t-Times ma kinitx tkun kuntenta kieku saru jafu li kien qed isirlu dan il-ħlas. Schembri kien insista li l-flus li kienu jingħaddu ma kellu x’jaqsam xejn mal-proġett tal-magni tal-istampar tat-Times.

08:59 – Huwa spjega kif f’waħda mill-ewwel stqarrijiet li għamel Keith Schembri kien ikkonferma li għandu kont ma’ Zenith Finance u li dwar kull tranżazzjoni qal li kienet issir ‘due diligence’. Numru ta’ dokumenti li kienu ġew preżentati issa ġew ippreżentati fil-Qorti. Dwar flus li kien jirċievi mingħand missieru Alfio Schembri huwa kien qal li dan kien itih numru ta’ ċekkijiet bħala donazzjoni minħabba li huwa kien l-unika wild tiegħu.

Qal kif irriżulta kif għal ħlasijiet li saru mill-kumpanija Kasco lil Vincent Buhagiar, l-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, qatt ma kien joħroġ ‘invoices’ u qal li bejniethom kien hemm ‘gentlemen’s agreement’. Keith Schembri kien qal li huwa qatt ma jiftakar li kienu tkellmu dwar kemm kellu jitħallas Buhagiar.

08:52 – Huwa qed jixhed dwar l-ewwel stqarrijiet li ta Keith Schembri. Bħalissa fix-xhieda tiegħu qed jirrepeti ħafna minn dak li diġa xehdet dwaru l-ispettur Annemarie Xuereb fis-seduta li għaddiet.

08:50 – Bħalissa qiegħed jixhed l-ispettur Ian Camilleri mill-iskwadra ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Huwa kien ukoll ifforma task force li investigat l-allegat każ ta’ korruzzjoni.

AKTAR KMIENI – Hekk kif qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit mill-kumpanija Kasco.

Filwaqt li s-seduta għaddejja f’awla disa’ tal-Qorti, il-ġurnalisti qed isegwu kollha minn awla separata permezz ta’ ‘video conference’. Dan bħala miżura kontra t-tifrix tal-Coronavirus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend