Notifiki

BIL-FILMAT: Maltin iqattgħu l-Għid fl-Indja

L-Għid il-Kbir għal koppja Maltija li tinsab f’Mumbaj fl-Indja, fisser il-bidu ta’ tama ġdida hekk kif iż-żewġ Maltin jinsabu fil-proċess li jadottaw tifel jew tifla.

ONE News tkellem ma’ Caroline Busuttil, li ilha għal dawn l-aħħar snin mal-aġenzija ‘Tama’, tgħin familji Maltin u Għawdxin jadottaw tfal mill-Indja.

Qalet li l-ferħ fuq wiċċ il-koppji li jinżlu lura Malta b’familja ikbar, huwa ta’ sodisfazzjon kbir.

Qaetl kif, “Jiena nara fihom dawn il-familji ferħ kbir hux għaliex kull tifel u tifla li jiġu adottati, huma don immens.”

Il-mara spjegat kif il-ħidma tagħha ma’ din l-aġenzija bdiet meta telgħet l-Indja biex taħdem ma’ kumpanija, u ħuha talabha l-għajnuna fil-proċess biex jadotta tifla.

Ħames snin wara, Caroline għadha tgħin familji oħra jagħmlu dan il-pass speċjali f’ħajjithom.

Hija spjegat kif l-aħħar sena kienet waħda diffiċli ħafna minħabba l-pandemija.

Spjegat, “Għamilna xhur, kien hemm tfal lesti biex imorru mal-familja tagħhom maqbudin hawnhekk, kien hemm familja maqbuda hawnhekk, li kien hemm ħafna xogħol anke biex jirnexxielhom joħorġu.”

Mumenti qabel bdiet il-funzjoni ta’ Sibt il-Għid, tkellimna mal-Kummissarju Għoli Malti għall-Indja, Reuben Gauci, li jinsab f’Mumbaj għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Għid.

Huwa qal li l-belt tinsab f’Lockdown u l-funzjoni tal-Għid hija limitata biss għall-ftit li għandhom invit.

Qal, “Hawn il-ħwienet kollha magħluqin per eżempju, ir-ristoranti kollha magħluqin, hawn ‘curfew’ wkoll li jibda fit-tmienja ta’ filgħaxija, jiġifieri ħa noħorġu, kemm immorru għall-funzjoni u nerġgħu lura ‘hopefully’ ma jilħaqx isiru t-tmienja.”

Fl-Indja, madwar wieħed punt ħamsa fil-mija biss tal-popolazzjoni huma kattoliċi madanakollu d-devozzjoni hija b’saħħitha.

Anna Marija Attard, li ilha ħamsa u tletin sena fl-Indja u qed taħdem għall-għaqda bejn ir-reliġjonijiet, spjegat kif f’din il-festa tal-Għid fejn l-attendenza fil-katidral għall-funzjoni hija limitata ħafna, qed ikompli jinħass sew l-għatx li d-devoti għandhom biex jitħallew lura fil-knejjes wara l-pandemija.

Qalet, “Fejn fl-Ewropa jgħidu li wara l-lockdown ser ikun hemm inqas nies min imur il-knisja, hawn ġol-Indja malli jiftaħ il-lockdown ser ikun hemm folla kbira.  Fil-Christmas ippruvaw jiftħu xi knejjes, u kellhom jagħlqu mill-ewwel għax tant kien hemm rassa ta’ nies li ma setgħux.”

Hija spjegat kif il-festa tal-Għid il-Kbir fl-Indja hija nieqsa mix-xinxilli kummerċjali li jġibu magħhom il-bajd u l-figolli.

Minflok ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt igawduha bl-iktar mod sempliċi u devot.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend