Notifiki

Il-MPE Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni tiżgura li Malta jkollha aċċess għal mediċini affordabbli

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-istati membri ż-żgħar, bħal Malta, u ċ-ċittadini tagħhom, ikollhom aċċess għal prodotti farmaċewtiċi affordabbli, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID. Dan ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.

Permezz ta’ mistoqsija urġenti li għamel lill-Kummissjoni Ewropea u ittra li bagħat lill-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Agius Saliba ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-provvista ta’ mediċina affordabbli madwar l-Unjoni Ewropea tkun ġenwinament ipprovduta lill-istati membri kollha u liċ-ċittadini tagħhom, inkluż Malta.

Dr Agius Saliba stqarr li r-regoli attwali tal-Unjoni Ewropea qed joħolqu diskriminazzjoni inġusta kontra l-Istati Membri b’sistemi tas-saħħa u swieq farmaċewtiċi iżgħar, bħal Malta. Huwa sostna li fis-sitwazzjoni preżenti, id-deċiżjoni li prodott jitqiegħed b’mod effettiv fis-swieq tal-istati membri hija bbażata biss fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-kumpaniji farmaċewtiċi.

Il-Membru Parlamentari Ewropew saħaq li f’ħafna każijiet, dawn il-kumpaniji privati m’għandhom l-ebda interess jew inċentivi biex iqiegħdu prodott mediċinali fis-suq ta’ stati membri żgħar, bħal Malta. Tenna li din is-sitwazzjoni toħloq aċċess diffiċli għall-mediċini bi prezzijiet raġonevoli għall-pazjenti Maltin, prezzijiet ogħla għall-prodotti farmaċewtiċi, u spiss anke l-irtirar ta’ prodotti partikolari.

Huwa kompla jispjega li għal dawn ir-raġunijiet, Malta baqgħet dipendenti ħafna fuq il-provvista tal-mediċini li ġejja jew tgħaddi mill-Gran Brittanja. Dr Agius Saliba kompla jgħid li sfortunatament, bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Malta u l-istati membri f’sitwazzjoni simili se jiffaċċjaw problema immedjata ta’ aċċess u nuqqas ta’ prodotti farmaċewtiċi u mediċinali.

L-Ewroparlamentari Agius Saliba fisser li l-pazjenti Maltin m’għandhomx jiġu mċaħħda minn prodotti mediċinali speċjalment f’nofs kriżi tas-saħħa u tal-pandemija. Jekk prodott ikun awtorizzat fis-suq uniku, dan għandu jkun disponibbli fl-istati membri kollha u ċ-ċittadini Maltin ma għandhomx jiġu mċaħħda jew miċħuda l-aċċess għall-prodotti mediċinali. Għal din ir-raġuni huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni u tiżgura li l-interessi pubbliċi jiġu mħarsa, u li l-aċċess għall-mediċini ma jkunx jiddependi purament mill-interessi ekonomiċi.”

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba temm jgħid li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba, bi prezz raġonevoli, preventiva, u kurattiva, però sforunatament, preżentament dan mhux garantit fl-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend