Fiequ 146 persuna mill-Covid-19 u feġġew 52 każ

Fl-aħħar sigħat fiequ 146 persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew 52 każ minn fost 1,762 test.

76%tal-każijiet pożittivi ta’ bħalissa huma tal-varjant Ingliż.

Dan ifisser li 97% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u tlieta fil-mija 3% ġew pożittivi.

Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 811,102 testijiet.

Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw 197,383 doża. Minnhom 54,578 persuna ħadu t-tieni doża.

Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa żewġ anzjani rġiel ta’ 69 u ta’ 71 sena mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.

F’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-imxija  tal-pandemija f’pajjiżna, il-Professur Charmaine Gauci qalet li issa bdiet toħroġ l-istedina għal persuni li għandhom ‘il fuq minn sittin sena.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika spjegat li kulma jmur il-każijiet fost persuni li għandhom ‘il fuq minn tmenin sena qed jinżlu ġmielhom hekk kif il-maġġoranza ta’ din il-faxxa tlaqqmet.

Tkellmet dwar is-storja ta’ suċċess fir-rigward ta’ tilqim fid-djar tal-anzjani hekk kif il-każijiet naqsu b’mod konsiderevoli tant li din il-ġimgħa ġew reġistrati żewġ każijiet biss f’dawn id-djar. Dan hu rifless ukoll fl-ammont ta’ pazjenti li qed jidħlu l-isptar.

Il-Professur Gauci stqarret li din il-ġimgħa mill-ajruport daħlu seba’ persuni pożittivi mill-Polonja u l-Bulgarija, u fakkret li kull min jidħol f’pajjiżna jrid jippreżenta test.

Hija qalet, “L-ittestjar huwa importanti ħafna. Niftakru bħalissa jkun iż-żmien, it-temp jinbidel, iż-żmien bħall-irjiħat komuni li s-soltu jkollna bħalissa ġeneralment jonqsu wkoll allura n-nies li għandna hemm barra li għandhom is-sintomi, qegħdin ikunu inqas u għalhekk qed ikollna inqas testijiet milli qegħdin naraw. Però dejjem infakkarkom li jekk xorta għandna ċ-ċirkolazzjoni ta’ dan il-virus allura jekk xi ħadd ikollu s-sintomi importanti illi tiġu tagħmlu testijiet.”

Hi temmet b’aċċenn fuq miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kuljum fosthom il-ħasil tal-idejn u l-maskri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend