Notifiki

Malta tfakkar 42 sena mill-kisba storika tal-Ħelsien

Illum Malta qed tfakkar il-kisba storika tal-Ħelsien.

42 sena ilu l-bażi militari Ingliża ngħalqet darba għal dejjem f’Malta wara kważi 180 sena.

Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien il-Perit Dom Mintoff kien ftiehem mal-Ingliżi seba’ snin qabel il-31 ta’ Marzu 1979 biex l-Ingliżi mhux biss iħallsu iżjed tal-użu tal-faċilitajiet offruti mill-Gvern Malti iżda bi ftehim ċar l-Ingliżi kellhom jitilqu fl-aħħar ta’ Marzu tal-1979.

In-negozjati għal dan il-ftehim u r-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża kienu intensivi f’Malta u f’Londra u involvew strateġiji u diplomazija mill-aqwa bejn l-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff u l-eks Ministru għad-Difiża Ingliż, Lord Peter Carrington.

Carrington kien sostna pubblikament wara l-ftehim mal-Gvern Malti, li Mintoff kien l-aktar negozjatur iebes li qatt affaċċja.

Bil-ftehim, Malta kisbet kważi t-tripplu tal-ftehim li kellha qabel innegozjat mill-Gvern Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier meta Malta saret indipendenti fl-1964.

Il-Gvern Ingliż spiċċa kellu jħallas 14-il miljun lira sterlina fis-sena, somma meqjusa għolja għal dak iż-żmien u li għenet mhux ftit lill-Gvern Laburista tas-sebgħinijiet jindustrijalizza u jiddiversifika ekonomija li kienet tiddependi biss fuq is-servizzi militari Ingliżi.

Fl-aħħar lejla ta’ Marzu tal-1979, Mintoff flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Ġorġ Agius telgħu fuq il-monument tal-Ħelsien, xogħol l-iskultur Anton Agius.

Fuq l-għolja tal-Ħelsien huma xegħlu l-urna permezz tat-Torċa u anki tniżżlet il-bandiera tar-Renju Unit u telgħet il-bandiera bajda u ħamra.

Il-bandiera Maltija telgħet tperper fost sparar tal-murtali, ċapċip u xita qliel li niżlet f’dik il-lejla mimlija emozzjonijiet.

L-għada, l-aħħar bastiment militari Ingliż salpa minn Malta wara tislima lill-aħħar Ammiral Ingliż Sir Nigel Cecil.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend