Notifiki

Eks Deputat Laburista qrib Mintoff jinnota l-kobor tal-eks PM fin-negozjar mal-Ingliżi  

Il-Ħelsien kienet l-ikbar kisba u l-ikbar ħolma li kellu għall-pajjiżna l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff.

Dan qalu ma’ ONE News, l-eks deputat Laburista John Dalli.

John Dalli, li kien deputat ferm qrib tal-Perit Mintoff u kien jakkumpanja lil Mintoff fin-negozjati iebsin ma’ Carrington f’isem il-Gvern Ingliż dwar l-għeluq tal-bażi militari Ingliża, spjega magħna kif it-triq għal kisba tal-ħelsien ma kinitx faċli u kienet waħda għat-telgħa. Il-bidu għal din it-triq bdiet hekk kif il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin.

Qal, “Meta tlajna fil-Gvern, l-ewwel li għamel Mintoff ried jara kif jinnegozja mal-Ingliżi, ħalli nakkwistaw il-Ħelsien, il-ħolma li dejjem kellu ġo moħħu u beda bin-negozjati mal-Gvern Ingliż. Tinsiex fl-aħħar kien tah ultimatum u l-Ingliżi bdew sejrin ‘il barra minn hawnhekk. Daqskemm qatt rajtu inkwetat dakinhar, qatt.”

Dalli rrakkonta magħna kif darba minnhom Mintoff kien bagħat għalih, meta kellu madwar ħamsa u għoxrin sena sabiex imur jagħti rigal lill-Ambaxxatur Malti. Kif mar jagħti dan ir-rigal, Dalli kien qallu sabiex hu flimkien mal-Kap tan-NATO f’Malta jmorru għand Mintoff. Semma kif hawnhekk ftemu biex ikomplu bin-negozjati ġewwa Londra.

Dalli semma kif dawn in-negozjati mal-Ingliżi ma kinux faċli. Iddeskriva magħna kif id-delegazzjoni Maltija kellha biss erba’ persuni u l-Ingliżi b’delegazzjoni immexxija minn Lord Carrington kellha bosta persuni biex tiddiskuti aspetti differenti tal-ftehim bejn Malta u r-Renju Unit.

Spjega, “Hemmhekk tinnota l-kobor ta’ Mintoff, fin-negozjar tiegħu. Kulħadd ħadd ma jgħid kelma u jgħid li aħna ma jistax ikun nibgħqu hekk fid-dinja moderna tal-lum, nibqgħu niddependu minnkom, aħna rridu l-Ħelsien.”

F’Marzu tal-elf disa’ mija tnejn u sebgħin intlaħaq ftehim sabiex l-Ingliżi jitilqu fl-aħħar ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin u jħallsu somma iżjed lill-Maltin talli kienu qed jużaw l-faċilitajiet li toffri Malta.

John Dalli qal kif dak li ftemu għalih dakinhar, seħħ eżatt seba’ snin wara. Hekk kif f’lejla kiesħa tniżżlet il-bandiera Ingliża u floka telgħet tperper il-bandiera bajda u ħamra, dik Maltija.

Dakinhar kienet lejla emozzjonali iżda sabiex wasalna għaliha, Gvern Laburista tas-sebgħinijiet immodernizza pajjiż, ma ħalliex Malta b’ekonomija tiddependi mis-servizzi Ingliżi iżda ddiversifika l-ekonomija u embarka fuq numru ta’ riformi biex il-ħelsien ikun miksub fis-sens wiesgħa u fit-totalità tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend