Notifiki

In-numru ta’ każijiet attivi jinżel taħt id-disa’ mija iżda l-appell għall-kawtela jibqa’

In-numru ta’ każijiet attivi ta’ Covid-19 issa niżel taħt id-disa’ mija hekk kif fl-aħħar jiem, Malta esperjenzat tnaqqis fin-numru ta’ infezzjonijiet.

It-tilqim f’Malta qabad ritmu qawwi wkoll hekk kif fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa ngħataw iżjed minn ħamest elef u ħames mitt doża tal-vaċċin għall-Covid-19.

Minkejja dan it-tnaqqis tal-każijiet l-awtoritajiet tas-saħħa qed jibqgħu jappellaw għal kawtela u minn għada deħlin fis-seħħ ftit iżjed miżuri għall-perjodu tal-Għid biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija, speċjalment il-firxa tal-varjant Ingliż.

Fil-fatt minn għada l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn erba’ persuni għal żewġ persuni.

Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Dan ifisser li fi spazji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn żewġ persuni għandhom ikunu pprojbiti, inkluż fi kjuwijiet u fuq stejġ ta’ tal-linja, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejn in-nies.

Persuni li jiksru din il-miżura se jkunu soġġetti għal multa ta’ €300 kull wieħed.

Nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir u l-jiem ta’ wara, qed jitlob sforz ieħor ta’ solidarjetà u responsabilità.

Qal li waqt li niddefendu bil-miżuri li hemm fis-seħħ se nkomplu nattakkaw bil-vaċċin.

Appella biex nieħdu ħsieb xulxin biex it-triq tan-normalità nibdewha sew b’konsistenza mal-pjan tal-Gvern.

Aqra wkoll:

Fiequ 286 persuna mill-Covid-19 u feġġew 55 każ

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend