Notifiki

It-tfal jgħidu tagħhom dwar l-ispazji miftuħa

Madwar disa’ mitt tifel u tifla ħadu sehem f’konsultazzjoni wiesgħa bħala parti mill-Proġett Komunitarja mtella’ mill-Fondazzjoni Maltija għall-ġid tas-soċjetà.

Il-konsultazzjoni li għall-ewwel darba nkludiet tfal ta’ età żgħira, ilha tinħema għal dawn l-aħħar snin u tirrivolvi madwar l-ispazji miftuħa fejn it-tfal iħossuhom siguri biex jiltaqgħu fihom u jieħdu gost ikunu parti mill-komunità.

It-tfal li għandhom bejn il-ħames u ħdax -il sena semmgħu l-vuċi tagħhom bil-għan li jgħidu huma x’jixtiequ jaraw fis-soċjetà tagħhom.

Ir-riżultati li ġew preżentati f’dokument lil erba’ ministeri u lill-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, juru biċ-ċar li dawn iċ-ċkejknin iridu aktar spazji inklussivi.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li t-tfal daħlu fid-dettall u saħansitra għamlu disinji li wħud minnhom kienu jinkludu klabb tal-boċċi fejn persuni mdaħħlin aktar fl-età jkunu jistgħu jgawdu ħinhom fi spazji miftuħa.

Minn din il-konsultazzjoni ħarġu sitt messaġġi fosthom li t-tfal jixtiequ spazji miftuħa li huma mħaddra u aktar estensivi, jixtiequ wkoll spazji miftuħa b’faċilitajiet fuq ġewwa f’każ li t-temp ma jippermettix.

Appellaw għal aktar siġar u aċċessibilità filwaqt li saħqu fuq l-inklussività biex dawn l-ispazji jkunu jistgħu jitgawdew minn tfal ta’ kull età fejn ikunu jistgħu jiżviluppaw ħilithom.

L-ispeaker tal-Kamra tad-deputati sostna li dan id-dokument huwa wieħed importanti u biex intejbu l-ħajja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Preżenti kien hemm ukoll il-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca, li emfasizzat fuq parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà fejn saħansitra qalet li għandu jiġi fformulat parlament tat-tfal bħalma għandhom Ċipru u l-Iskozja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend