Żewġ karozzi li jniġġsu inqas għall-Aġenzija Sapport

B’investiment ta’ erbgħa u erbgħin elf ewro, l-Aġenzija Sapport ħabbret żieda fil-flotta ta’ żewġ vetturi hybrid għall-użu tal-klijenti.

Dawn huma l-ewwel vetturi tat-tip hybrid li għandha l-Aġenzija, li jaħlu inqas fjuwil u jniġġsu anqas.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras spjegat kif dan l-investiment qed isir bħala parti minn miżura tal-Budget biex b’mod attiv jitnaqqas it-tniġġis fl-arja.

Qalet, “Dan huwa investiment ta’ €44,000 u issa l-flotta tal-Aġenzija Sapport telgħet għal 35 vettura li fosthom għandna vannijiet aċċessibbli u tail lifts għall-persuni b’diżabbilta li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.”

Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli spjegat kif ix-xiri ta’ dawn iż-żewġ vetturi jagħmel parti minn investiment akbar ta’ madwar tliet mija u disgħa u sittin elf ewro biex tikber il-flotta ta’ vetturi għall-użu u l-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija.

Spjegat, “L-idea hija li kemm jista’ jkun aħna lill-klijenti tagħna nħalluhom jgħaddu ħajja normali kemm jista’ jkun, ikollhom ċans joħorġu għall-appuntamenti tagħhom allura dawn it-tip ta’ vetturi se jkunu qed jgħinuna f’din il-missjoni wkoll.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend