Il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jieħu sehem f’Summit tal-Kunsill Ewropew b’mod virtwali.
Dan is-summit kellu jsir fi Brussell bħal ma jsir is-soltu iżda minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Coronavirus fl-Ewropa ġie deċiż li dan l-ewwel summit formali tal-Unjoni Ewropea għal din is-sena jsir b’mod virtwali.
Waqt dan is-summit li se jdum jumejn, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu l-pandemija tal-Covid-19.
Hawnhekk, il-mexxejja Ewropej ser jiddiskutu dwar il-programm ta’ tilqim li għaddej fl-istati membri.
Dan is-suġġett se jkun diskuss wara li l-Kanċillier tal-Awstrija kien ilmenta li Malta qed tirċievi wisq dożi tal-vaċċin u warajh kienu segwew pajjiżi oħrajn, fosthom il-Bulgarija.
Dawn kienu bagħtu ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen sabiex jiddiskutu dik li sejħu bħala diskrepanza fix-xiri tal-vaċċin.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea kif għandu jaħdem il-passaport tal-vaċċin biex jiġi faċilitat safar sigur.
Dwar dan il-passaport intqal kif dan se jkun fuq il-bażi ta’ dawk in-nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u li dawk li kienu pożittivi għall-virus u imbagħad l-immunità tagħhom telgħet.
F’dan is-summit, se jkun qed jieħu sehem ukoll il-President Amerikan Joe Biden, fejn se jkun diskuss il-koperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Se jkun diskuss ukoll is-suq waħdieni u anke l-irwol internazzjonali tal-munita Ewro, anke waqt pandemija globali.