Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew f’mument fejn hemm proċess fil-qrati dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jpoġġi l-verità u l-ġustizzja f’riskju. Dan qaluh il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista, li saħqu li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr indħil u f’serenità.L-Ewro Parlamentari Alex Agius Saliba saħaq “Ma nistax nifhem kif illum il-Parlament Ewropew qed jipprova jgħaddi l-ġudizzju politiku tiegħu fuq proċess illi għadu għaddej quddiem il-Qrati tagħna. Ejja nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu fil-libertà u mhux nkomplu nagħmlu minn dan il-proċess kummiedja ta’ politika partiġġjana! Għalina l-akbar prijorità hija dik illi ssir ġustizzja, illi żgur ma nistgħu nsibuha qatt jekk nieħdu l-parir tal-Kap tal-Oppożizzjoni Malti li jrid jagħti maħfra lil dawk akkużati b’dan id-delitt mingħajr ma jikkonsulta mal-ebda istituzzjoni! Perfetti m’aħniex u r-riformi qed nagħmluhom, imma foloz bħal dawk illi llum qed jippuntaw subajhom lejna mingħajr ma jaraw il-koruzzjoni u t-taħwid illi għandhom f’pajjiżhom, m’aħniex lanqas!”
Min-naħa tagħha, Josianne Cutajar qalet “Jien Maltija u rrid li sseħħ ġustizzja, imma din trid titħalla tieħu l-kors tagħha, biex tkun tassew effettiva, u serena f’xogħolha. Din tal-lum hi tassew azzjoni inopportuna u insensittiva lejn ir-realitajiet ta’ Malta; la tista’ tkun konċiljatorja u lanqas utli fl-eżitu tagħha. Anzi, tista’ twassal għall-firdiet f’soċjetà li bħalissa qed tfittex li ssaħħaħ is-sens ta’ rikonċiljazzjoni”, qalet l-MPE Josianne Cutajar.
L-Ewro Parlamentari Cyrus Engerer tenna “Aħna lkoll irridu li toħroġ il-verità kollha dwar il-każ atroċi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u lkoll irridu li ssir ġustizzja. Wasal iż-żmien għall-fejqan u l-għaqda f’pajjiżna. Pero’ dan id-dibattitu u r-riżoluzzjoni li ġejja, dwar dak li ħiereġ f’nofs ix-xhieda ta’ xhud waqt li għaddej il-każ, jpoġġi x-xogħol għall-verità f’periklu. Jagħti s-saħħa u l-amunizzjoni lil dawk li għandhom l-interess li ma toħroġx il-verità. L-istituzzjonijiet f’Malta illum qed jaħdmu wara deċenji ta’ abbuż. Il-Gvern progressiv ta’ Robert Abela qiegħed ibiddel dak li amministazzjonijiet preċedenti ma kellhomx ir-rieda li jbiddlu. Qed nimxu lejn Malta aħjar – Malta ġusta, ta’ ġustizzja u b’demokrazija b’saħħitha,” qal l-MPE Cyrus Engerer.
“Bl-aktar mod ċar dan id-dibattitu qed jindaħal bil-kbir fi proċessi ġudizzjarji fejn gradwalment qed isir progress spettakolari. Mhu qed iservi tal-ebda ġid lis-saltna tad-dritt jew tal-ġustizzja. Sew għamlet dil-Kamra fl-imgħoddi li baqgħet lura milli tiddiskuti kawżi kontroversjali twal li qamu fis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiżi membri…Allura għaliex illum qed jiġu mħaddma kejl u miżuri differenti?” F’konklużjoni Alfred Sant saħaq li “nista’ biss nirrepeti assigurazzjoni waħda: Se titħaddem ġustizzja sħiħa, mingħajr biża jew favur, lejn dawk kollha ħatja tal-qtil atroċi ta’ Daphne Caruana Galizia,” qal l-MPE Alfred Sant.