Notifiki

Il-MPE Alex Agius Saliba jippreżenta r-rapport tiegħu dwar persuni b’diżabilità fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba ppreżenta r-rapport tiegħu fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu rwol importanti ta’ protezzjoni, li bih jiżgura l-konformità tal-Unjoni Ewropea (UE) mas-CRPD fi ħdan it-tfassil tal-politika u l-azzjonijiet leġiżlattivi fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba stqarr li dan ir-rapport huwa f’waqtu meta tqis it-tnedija reċenti tal-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità 2021 – 2030 maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. L-Istrateġija l-Ġdida tad-Diżabilità għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità fl-Ewropa mingħajr l-ebda ostaklu filwaqt li tippromwovi l-inklużjoni soċjali u ekonomika, kif ukoll l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ oħrajn.

Dr Agius Saliba qal li l-irwol ta’ Helena Dalli, bħala l-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza, kien strumentali fit-twaqqif tal-Istrateġija l-ġdida għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Huwa sostna li dan ir-rapport qed jeżamina l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet ta’ persuni b’diżabilità fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Membru Parlamentari Alex Agius Saliba spjega li r-rapport qed jiffoka fuq elementi ta’ ugwaljanza sħiħa fl-aċċessibilità għax-xogħol, l-edukazzjoni, it-trasport u l-infrastruttura fid-dawl tal-petizzjonijiet li ġew sottomessi lill-Parlament Ewropew.

Agius Saliba saħaq li bħalissa m’hemm l-ebda rikonoxximent tal-istatus ta’ diżabilità bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea. Dan qed joħloq ostakli għal persuni b’diżabilità meta jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor għal xogħol, studji jew raġunijiet oħra. Huwa sostna li l-Karta Ewropea tad-Diżabilità hija strument importanti ħafna biex tgħin lill-persuni b’diżabilità jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles f’Ewropa mingħajr ostakli, għalhekk, għandha tkun obbligatorja fl-Istati Membri kollha.

Fir-rapport tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qed jiffoka wkoll fuq numru ta’ ostakli li t-tfal b’diżabilità jiltaqgħu magħhom fis-settur tal-edukazzjoni. Huwa saħaq li huwa dritt fundamentali għal kull tifel u tifla, inklużi tfal b’diżabilità, li jkollhom opportunitajiet ta’ edukazzjoni inklussiva. Huwa kompla jgħid li tfal b’diżabilitajiet intellettwali, partikolarment tfal bid-down-syndrome, qed jiffaċċjaw bosta ostakli biex ikomplu javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom.

Dr Agius Saliba stqarr  li fl-2016 daħlu numru ta’ petizzjonijiet biex jitolbu lill-Parlament Ewropew sabiex titressaq petizzjoni fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali kollha.

Fir-rapport tiegħu tl-Ewroparlamentari Agius Saliba jappella wkoll lis-servizzi rilevanti tal-Parlament biex ikomplu bl-isforzi tagħhom u jiffinalizzaw il-proġett fuq l-inter service working group għall-lingwa tas-sinjali fl-iqsar żmien possibbli. Huwa kompla jgħid li dan żgur huwa meħtieġ biex jissodisfa t-talbiet rilevanti li petizzjoni teħtieġ biex tippermetti li titressaq fil-lingwi tas-sinjali internazzjonali u nazzjonali użati fl-Unjoni Ewropea. Dan jagħmel id-dritt fundamentali għall-petizzjoni aktar aċċessibbli għall-utenti tal-lingwa tas-sinjali.

Huwa saħaq li l-Parlament Ewropew għandu jmexxi bl-eżempju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend