Notifiki

“Appell b’saħħtu favur ċertifikazzjoni Covid-19 Ewropea għall-ġid tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin” – Cyrus Engerer

“Wasal iż-żmien biex il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar Maltin u Għawdxin jingħataw is-serħan il-moħħ mill-Unjoni Ewropea li se tkun qiegħda tagħmel minn kollox biex fl-iqsar żmien possibbli jerġa’ jibda ċ-ċaqliq ħieles bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b’mod sigur,” qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer waqt li kien qiegħed jindirizza laqgħa tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għat-tnedija ta’ ċertifikat diġitali Ewropew dwar it-tilqim kontra l-virus Covid-19.

Engerger stqarr li l-imxija tal-Covid-19 tefgħet dawl fuq l-importanza li għandu jkun hemm aktar koperazzjoni bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa, dan għaliex din tħalli riżultati pożittivi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.

Fi stqarrija l-Membru Parlamentari Ewropew Engerger tenna li biex ikollna aktar koperazzjoni ma jistax ikollna sistemi differenti ta’ ċertifikazzjoni li mhumiex rikonoxxuti fl-istati membri kollha, u li jkunu jinkludu lingwi differenti. Hu tenna li b’ċertifikat wieħed għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollna serħan il-moħħ minn sistema sigura li tinftiehem minn kulħadd.

L-Ewroparlamentari Engerger saħaq li huwa importanti li s-sistema ta’ ċertifikazzjoni diġitali għall-Unjoni Ewropea kollha sservi biex jissaħħaħ iċ-ċaqliq ħieles ta’ persuni madwar l-Ewropa u mhux biex dan jixxekkel iktar.

Huwa kompla jgħid li l-ħaddiema Ewropej iridu jerġgħu jibdew imorru għax-xogħol kemm jista’ jkun malajr bil-virus taħt kontroll mill-istituzzjonijiet Ewropej. Għaldaqstant din iċ-ċertifikazzjoni tgħin biex dan il-għan jintlaħaq u biex l-ekonomiji Ewropej jerġgħu jaqbdu t-triq lejn in-normalità mill-ġdid.

Il-Membru Parlamentari Engerer spjega li din iċ-ċertifikzzjoni mhix xi ħaġa ġdida. Dan għaliex ċertifikazzjoni bħal din diġà teżisti għal numru ta’ mard infettiv ieħor u għalhekk dan hu l-pass naturali b’approċċ ikkordinat mill-Unjoni Ewropea.

Huwa tenna li fl-istess waqt għandu jkun assigurat li s-sistemi proposti jipproteġu d-data taċ-ċittadini Ewropej kollha, b’rispett lejn ir-regolament GDPR.

L-Ewroparlamentari Engerger temm jgħid li dan għandu jkun l-ewwel pass fit-triq lejn Unjoni tas-Saħħa Ewropea fejn kull ċittadin Ewropew ikollu moħħu mistrieħ li ċ-ċertifikazzjoni u l-istorja medika tiegħu jew tagħha tkun aċċessibbli minn network tas-saħħa Ewropea, kif ukoll pass ieħor favur iċ-ċaqliq ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend