Kumpanija f’Malta b’riżultati pożittivi fil-qasam tar-riċerka

Il-Kumpanija AcrossLimits ippromwoviet l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni lil klijenti li għandha madwar l-Ewropa kollha. Dawn jinkludu negozji, akkademiċi u anke Gvernijiet ta’ pajjiżi.

Il-kumpanija ilha bbażata Malta għoxrin sena, u timpjega ħdax-il persuna f’pajjiżna u bosta esperti minn pajjiżi oħra. Ħafna mill-klijenti tal-kumpanija jinsabu fin-Naħa ta’ Fuq tal-Ewropa li qed ifittxu biex jikkollaboraw ma’ pajjiżi fin-Nofsinhar tal-kontinent.

Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonniċi żar l-uffiċini ta’ din il-kumpanija, u sostna kif l-innovvazzjoni hija l-mutur li tmexxi l-pajjiżna u l-bqija tal-Ewropa lejn il-futur.

Qal kif, “Ġejna nżuru kumpanija bbażata fin-Naxxar li ilha għal dal-aħħar għoxrin sena tgħin biex kumpaniji, aġenziji u anke gvernijiet ikunu jistgħu jieħdu opportunitajiet li hemm fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni u jagħmlu differenza fuq livell Ewropew. Aħna kommessi li noħolqu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni għax aħna nemmnu li hija l-innovazzjoni li se ttejjeb il-futur ta’ pajjiżna u tal-kontinent Ewropew.”

Fost il-proġetti li AcrossLimits hija involuta fihom, hemm il-proġett Robotika Edukattiva għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika. Id-Direttur tal-kumpanija Angele Giuliano spjegat kif dan huwa mmirat biex jattratta l-istudenti lejn l-oqsma tax-xjenza u teknoloġija. Sostniet kif mill-ħamest elef student Ewropej li jagħmlu parti minn dan il-proġett, hemm disa’ mija minnhom minn Malta.

Qalet, “Illum ukoll li qed jiġi mniedi l-Kunsill fuq livell Ewropew għall-Innovazzjoni fejn jien il-kampjun nazzjonali, aħna qiegħdin hawn anke biex ngħinu aġenzija pubbliċi u privati biex huma jieħdu l-innovazzjoni ġewwa l-organizzazzjonijiet tagħhom u jkomplu jtejjbu fuqhom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend