Notifiki

Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Yorgen Fenech

F’awla 20 komplew jinstemgħu numru ta’ recordings li Melvin Theuma stess kien ħa u x-xhieda tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Yorgen Fenech.

Fost l-oħrajn fix-xhieda tiegħu Melvin Theuma rrakkonta kif huwa kien gideb lil Johann Cremona, li kien jaħdem ma’ Fenech. Dan kien qallu li huwa kien ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija. Dan filwaqt li qallu wkoll li kien għaddielu €15,000 permezz ta’ Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja. Din qajmet mistoqsijiet anke mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello li staqsietu għaliex irrekordja lilu nnifsu jigdeb. Qal li dan għamel hekk biex jibbluffja u jipprova juri lil Cremona li jekk hu jew Yorgen Fenech jigdbulu, hu kien ser ikun jaf.

F’recording huwa jinstema’ jgħid lil Cremona li lil Brincat ried iroddlu l-flus, ħamest elef, ħamest elef. Il-Qorti wkoll staqsiet dwar kif kien qed jigdeb b’daqsekk mod speċifiku. Qal li din kienet invenzjoni tiegħu u li kieku kienet vera ma kellux għalfejn irodd il-flus bin-nifs. Dan filwaqt li dar fuq is-Supretendent Keith Arnaud u qallu “taf x’sibtuli d-dar” u li kieku ħmistax-il elf kien iħallashom f’daqqa.

Fix-xhieda tieħu, Theuma qal ukoll li hu kien dejjem waħħal f’moħħu li Keith Schembri kien imdaħħal iżda bil-ġurament dan ma jistax jikkonfermah. Qal li Yorgen Fenech jew Johann Cremona kienu qalulu li Keith Schembri kien jagħżel min ikun fit-taqsima tas-servizzi sigrieti.

Huwa spjega kif darba Fenech u Cremona urewh karta, u fuqha kien hemm l-aħwa Degiorgio u jaħseb li kien hemm il-Koħħu wkoll u madwarhom kien hemm iċ-ċrieki u persuni oħra li kienu konnessi magħhom.  Qal li huma urewielu biex iserħulu rasu li ma kienx wieħed minn dawk marbut magħhom. Fuq il-karta qal li kien hemm żewġ persuni oħra li ma jistgħux jissemmew fil-midja fuq ordni tal-Qorti.

Fir-recording issemma wkoll l-Ispettur Raymond Aquilina u Theuma spjega li huwa kien lest iħallsu somma biex jgħinu meta jarrestawh. Dan wara li Cremona kien qallu illi kien qed jieħu ħsiebu hu.  Madankollu Theuma spjega li minn meta arrestawh lil dan l-Ispettur qatt ma rah u ma kienx involut fl-investigazzjoni. Qal ukoll li qatt ma saret laqgħa ma’ dan l-Ispettur u qatt m’għaddewlu flus.

Fir-recording instema’ kif Cremona qallu lil Theuma li miegħu għandu lil kulħadd, bil-pulizija u bil-Prim Ministru b’kollox. Theuma madankollu qal li huwa ma kellu xejn. Qal li dak iż-żmien huwa kien jemmnu għaliex dak iż-żmien kien għadu ma ġiex arrestat  Qal li lil Cremona kien jafdah hu, għalkemm beda jinduna li ġieli kien qed jigdiblu.

Id-Difiża għamlet l-osservazzjoni li x-xhud mhux ikun konsistenti u fakkret fil-kundizzjonijiet li hemm imposti fuqu minħabba l-proklama. Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex dawn l-osservanzi isiru b’mod speċifiku, madankollu l-Qorti qalet li la f’dan l-istadju mhux issir trattazzjoni id-Difiża għandha d-dritt tagħmel dawn l-osservazzjonijiet.

16:33 – Theuma spjega li r-recording ittieħed fil-karozza tiegħu. Is-Supretedent Keith Arnaud spjega għaliex kien semma biss li rrekordja lil Johann Cremona u lil Yorgen Fenech u ma semmiex lil Mario Degiorgio. Qal li dan ir-recording kien nesieh. Qal li huwa jien jiltaqa’ ma’ Mario Degiorgio tliet darbiet fil-ġimgħa. Qal li Johann Cremona kien qallu jirrekordjah biex Yorgen Fenech ikun jaf fejn sejrin il-flus. Qal li madankollu dan ma kienx wieħed mir-recordings li għadda lil Fenech.

Tenna stqarr li Mario Degiorgio qallu li ried €40,000 għal Arthur Azzopardi. Qal li dwar dan kien semmielu xi ħaġa George u qallu li dawn riedhom biex jaħdem kontra ta’ Degiorgio.

Fir-recording Mario Degiorgio jinstema’ jgħid li Arthur Azzopardi ser itella’ jixhdu lill-Prim Ministru, il-Kummissarju, lil Chris Cardona u lil Keith Schembri kontra l-aħwa Degiorgio.

B’hekk ġiet sospiża ix-xhieda ta’ Melvin Theuma għal-lum.

16:18 – Dan ir-recording li qed jinstema’ issa huwa bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio.
Jidher li ttieħed meta l-aħwa Degiorgio kienu diġà arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

16:04 – Ser jinstema’ recording ieħor twil madwar 15-il minuta u wara jsiru d-domandi dwaru. Wara s-seduta tal-lum tintemm.

16:01 – Qallu li Cremona ġieli filgħodu qallu li ser jinġabar u fejn u ftit wara jbiddel il-verżjoni. Qal li Johann il-ħin kollu kien jgħidlu x’qallu Kenneth iżda hu ma jistax jgħid jekk dan kienx minnu.

Wara li nħareġ mill-awla x-xhud id-Difiża qed tagħmel l-osservazzjoni tagħha dwar ix-xhieda tiegħu llum. Qalet li d-Difiża qed tasal għall-konklużjoni li x-xhieda tiegħu hija nieqsa mill-konsistenza u mimlija kontradizzjonijiet. Qal li dan fl-isfond taċ-ċirkostanza li qiegħed jixhed fiha Theuma fosthom il-kundizzjonijiet li għandu imposti fuqu anke skont il-proklama. Primarjament li jgħid dak kollu li jgħid b’mod veritier dwar il-każ.

Id-Difiża żiedet li hija mhux titlob xi tip ta’ rimedju iżda din hija biss osservanza. Melvin Theuma qal li madankollu,  f’mument minnhom qal li l-karozza għall-Ispettur ma kienx ser jixtriha hu għaliex tiegħu kien xtraha bid-depożiti. Madankollu, f’istanza oħra qal li huwa kellu flus biżżejjed li jħallas 15,000 li qal li kien ser jagħti lill-Kummissarju.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fejn ikun hemm inkonsistenza d-Difiża għandha tikkwota b’mod ċar dwar liem recordings ikunu qed jagħmlu l-osservazzjoni. Is-Supretendent Keith Arnaud qal li din kienet xhieda speċifika marbuta ma’ recordings individwali. Tenna li ma jkunx ġust li taqbad punt wieħed minn recording u jingħad li x-xhud huwa inkonsistenti. Qal li r-recordings saru fuq medda ta’ sentejn u iktar. Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju mhux issir trattazzjoni u għalhekk filwaqt li d-Difiża għandha d-dritt tagħmel l-osservazzjonijiet m’għandiex għalfejn tagħmel dan b’mod speċifiku.

15:46 – Meta ġie mistoqsi għaliex ried itihomlu ħamsa ħamsa, jiġifieri ħamest elef ħamest elef ewro huwa spjega li din turi kemm ma kinitx vera. Lis-Supretendent qallu “taf x’sibtuli d-dar” u kompla jgħidlu kif ħamest elef ewro kieku seta’ joħroġhom faċilment u ma kellux għalfejn iħallashom bin-nifs.

Il-Qorti staqsietu għaliex hawnhekk kien irrekordja lilu nnifsu jgħid li huwa ta flus lill-Kummissarju u għaliex kien ivvinta li ried irodd il-flus lura ħamest elef ħamest elef. Il-Qorti ġibditlu l-attenzjoni li l-verżjoni li qed jagħti mhux konvinċenti. Theuma qalilha li huwa ma jistax jigdeb għalkemm il-Qorti qaltlu li mhux ikun konvinċenti. Qal li huwa qal li ser iroddhom lura “ħamsa ħamsa” bla ebda skop.

15:42 – Fir-recording instema’ kif Cremona qal lil Theuma li miegħu għandu lil kulħadd, bil-pulizija u bil-Prim Ministru b’kollox. Theuma madankollu qal li huwa ma kellu xejn. Qal li dak iż-żmien huwa kien jemmnu għaliex dak iż-żmien kien għadu ma ġiex arrestat. Qal li lil Cremona kien jafdah hu.

Madankollu qal li lilu ġieli giddbulu u għalhekk kien jgħidilhom li jkellem lill-Kummissarju biex jaħsbu li jekk jigdbulu kien ser isir jaf.

Dwar dak li nstema’ fir-recording spjega kif huwa kien ivvinta li Edwin Brincat kien tah €15,000 lill-Kummissarju u qallu biex imur isiefer bihom. Lil Johann qallu li lil Edwin kien mar itih il-flus li hu kien ta lill-Kummissarju iżda dan kien qallu li ma jridhomx lura. Dan wara li qallu li ser itihomlu ħamsa ħamsa lura. Theuma qal li din l-istorja kien ivvintaha hu.

Qal li minn recordings li fadlilhom x’jinstemgħu lil Cremona, Theuma stess kien qallu li mhux vera l-Kummissarju kien ħa xi flus.

15:16 – Ħin minnhom fir-recording ikunu qed jitkellmu fuq l-Ispettur Ray Aquilina u kif Johann Cremona qallu biex itih €5,000. Madankollu, Melvin Theuma qal li huwa qatt m’għadda dawn il-flus u lanqas biss qatt ma saret il-laqgħa mal-Ispettur. Qal li wara li ġie arrest lil Raymond Aquilina qatt ma rah imkien u ma kienx involut fl-investigazzjoni tiegħu.

Huwa qal li lil Yorgen huwa kien tah biċċiet tar-recordings li ħa. Qal li lil Johann Cremona kien itih l-impressjoni li huwa kien qrib tal-Kummissarju. Sostna li Johann Cremona kien il-‘postman’ u allura riedu jwassal lil Yorgen Fenech li huwa kien qed ikellem lill-Kummissarju. Huwa qal li huwa vvinta li mar għand il-Kummissarju u Cremona qallu li lilu ġegħluh jgħidlu biex hu ma jgħidlux li kellem lill-Kummissarju. Qal li ma jiftakarx għal min kien qed jgħid li ġagħluh iżda qal li huma kienu jitkellmu dwar Keith Schembri u Kenneth.

Theuma qed jgħid li Cremona kien jgħidlu li Keith Schembri u Kenneth mhux jgħidu b’kollox lil Yorgen Fenech u qed jirranġaw lil Theuma ħalli ma jiġix arrestat mingħajr ma jgħidu lil Fenech.

15:05 – Melvin Theuma qal li darba Johann Cremona qallu li l-Avukat Arthur Azzopardi kien involut fil-qtil minħabba li kien ġabar xi flus biex itihom lill-Koħħu. Fir-recording instema’ jgħidlu li Azzopardi kien qed jagħmel il-ħsara għaliex kien qiegħed iġiegħel lill-Vincent Muscat jitkellem.

Qal li huwa mbagħad qalilhom li mhux vera kien ta l-flus lill-Kummissarju għaliex imbagħad meta qalulu li l-arrest tiegħu kien ser jiġi minħabba l-Kummissarju ħaseb li kien ser jinqabad li qed jigdbilhom.

14:58 – Bħalissa qed jinstema’ r-recording fl-awla madankollu filwaqt li l-partijiet qed isegwu permezz tat-traskrizzjonijiet, il-ġurnalisti u dawk preżenti fl-awla ftit li xejn jistgħu jifhmu dak li qed jingħad.

14:40 – Wara li nstemgħet parti minn dan ir-recording Theuma qallu li huwa lil Mario Degiorgio qatt ma qallu li hu kien il-middleman fil-qtil. Lil Mario huwa kien jgħidlu li huwa kien qed jgħinhom lill-aħwa Degiorgio.

Qal li Johann kien jgħidlu li qed iġiblu r-risposti mingħand Kenneth u hu kien jassumi li dawn kienu jiġu mingħand Keith Schembri.

Fir-recording huwa jinstema’ jgħid li jekk Yorgen Fenech u Keith Schembri ma jittraduhx huwa kien ser jeħlisha. Johann iwieġbu jgħidlu li Keith Schembri ma kienx ser jittradih.

Theuma jgħid li fir-recording Cremona jinstema’ jgħidlu li l-Koħħu tela’ jixhed il-Qorti dwar il-qtil iżda dan il-Qorti ma kkalkulatux. Qal li huwa ma kienx jaf jekk dan kienx minnu. Cremona qallu li l-maġistrati u l-pulizija qed jirċievu l-flus. Lis-Supretendent Keith Arnaud qallu li anke lilu kienu jsemmu.

14:20 – Kompliet tinstema’ x-xhieda ta’ Melvin Theuma wara waqfa ta’ nofs siegħa. Kompla jinstema’ recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.

13:35 – Ix-xhieda ġiet sospiża u ser issir waqfa ta’ nofs siegħa biex imbagħad fis-sagħtejn Melvin Theuma jkompli jixhed filwaqt li jinstema’ recording ieħor fl-awla.

13:30 – Il-Qorti waħħlet lill-Avukat Charles Mercieca jħallas ammenda wara li għadda kumment li l-Qorti rat li kien intiż biex jattakka lix-xhud.

Wara li kompla jinstema’ r-recording, Theuma spjega kif Fenech u Cremona kienu tawh x’jifhem li mal-Ispettur Raymond Aquilina ma kellhomx inkwiet. Cremona nstema’ jgħidlu biex imorru jiltaqgħu ma’ Raymond, qal li madankollu din il-laqgħa qatt ma saret.

Fil-Qorti huwa qal li dwar ħasil ta’ flus, il-pulizija qabdu miegħu minħabba l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Spjega wkoll kif Cremona jew Fenech kien qallu li s-servizzi sigrieti kienu f’idejn Keith Schembri.

Fir-recording instema’ jgħid li l-unika ‘persuna li jista’ joħroġ mill-ventilatur huwa l-Koħħu”. Qal li din kien qalhielu ħu l-aħwa Degiorgio, Mario Degiorgio hekk kif kien qallu li l-‘Koħħu’ biss jista’ joħroġ mill-każ.

Huwa spjega kif darba wrewh karta Fenech u Cremona, u fuqha kien hemm l-aħwa Degiorgio u jaħseb li kien hemm il-koħħu wkoll u madwarhom kien hemm iċ-ċrieki u persuni oħra li kienu konnessi magħhom. Qal li huma wrewhielu biex iserħulu rasu li ma kienx wieħed minn dawk marbut magħhom. Fuq il-karta qal li kien hemm żewġ persuni oħra li ma jistgħux jissemmew fil-midja fuq ordni tal-Qorti.

12:54 – Mistoqsi dwar kif fir-recording jinstema’ jgħid li l-Kummissarju qallu li l-pulizija minn barra qed jitolbu li jkun arrestat. Theuma qal li dan ma kienx minnu. Iżda spjega kif il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar kien staqsa dwaru ma’ wieħed Brincat.

Qal li huwa kien juża l-Kummissarju biex jibblufja u bil-ġurament qal li gideb meta qal li ta l-flus lill-Kummissarju.

Sostna li huwa talab lil Yorgen Fenech biex ikellem lill-Kummissarju. Theuma stqarr illi kieku kien vera li tah il-flus jew kellem lill-Kummissarju kien jaqbad u jkellmu hu.

Qal li huwa kien iltaqa’ ma’ Fenech f’Level 21 f’Portomaso. Tenna illi l-aħħar messaġġ li rċieva mingħand Johann Cremona qal illi l-arrest kien ġej mill-Kummissarju.

Fil-Qorti huwa qal illi kemm ilu ħaj qatt ma tkellem mal-Kummissarju. Theuma saħaq li jekk dan mhux minnu “jistgħu jtuh il-forka.”

Il-Qorti għamlitha ċara li f’każ li d-Difiża jew persuni oħra fl-awla jgħaddu kummenti li jfixkklu lix-xhud jew jingħataw wirjiet ta’ diżapprovazzjoni, il-Qorti ser tkeċċi lill-persuna jew avukat mill-awla jew tieħu miżuri oħra. Dan wara li l-Prosekuzzjoni qalet li d-Difiża qed tagħmel kummenti waqt li jixhed ix-xhud. Wara li huwa nstema’ jgħid li x-xhud ‘sallab lilu nnifsu’ wara li Theuma qal li spiċċa msallab b’dan il-każ.

12:39 – Wara li kompla jinstema’ r-recording, Theuma spjega kif Fenech naqqas il-flus għall-aħwa Degiorgio fiż-żmien li kienu qed jaffaċċjaw il-ġustizzja. Spjega kif fir-recording instema’ wkoll diskors dwar negozju li m’għandux x’jaqsam mal-każ.

Qal kif Yorgen Fenech kien jgħidlu li huma ma kienu ser jiġu arrestati qatt iżda Johann Cremona kien jgħidlu li hu (Theuma) bilfors irid jinġabar.

Qal li Yorgen Fenech kien jgħidlu li jekk jarrestawh imur jieħu l-kafè għand tal-pastizzi faċċata. Qal li madankollu, dan ma kien minnu xejn għaliex meta arrestawh Yorgen mar bid-dgħajsa.

Qal li Johann wiegħdu li kellhom jarrestawh il-Ħadd u fl-interrogazzjoni jidħol miegħu hu.

Issemma spettur li kien fit-taqsima tal-ħasil tal-flus u fir-recording qallu li jekk jiġri hekk meta jarrestawh, jixtrulu karozza tal-għamla ‘Nissan Leaf’. Qal li dan għaliex Theuma kien xtara karozza hekk u l-Ispettur kien għoġbitu.

Madankollu, stqarr li meta ġie arrestat qatt ma ltaqa’ mal-uffiċjali li kienu semmewlu, lanqas meta ġie arrestat.

Qal li kienu jgħidulu illi l-pulizija ser tiġbru u mbagħad ma ssib xejn u lill-Europol u l-FBI jgħidulhom illi ma sabu xejn. Qal illi darba Yorgen Fenech kien tah biċċa laħam mir-razzett u huwa ċempel lis-sieħba tiegħu u qalilha illi Fenech tah il-laħam biex javvelenah u remieha. Stqarr kif Fenech sa jumejn wara kien sar jaf illi l-laħam remieha.

12:17 – Ir-recording reġa’ twaqqaf u spjega kif €6,000 ħariġhom huwa minn butu u tahom lill-aħwa Degiorgio. Biex iħallas għall-kelba ta’ Mario Degiorgio. Qal li ħareġ €5,000 oħra.

Sostna li huma setgħux jikxfu lilu biss. Qal kif huwa ġie “bandiera jperper fin-nofs”. Dwar għaliex staqsa lil Johann jekk ikellmux hu lil Yorgen Fenech, qallu kif dan biex jara jsaqsiehx hu lil Fenech għall-flus. Qal kif fil-bidu meta kien jitlob lil Fenech għall-flus, huwa kien jgħidlu li “s-saħħa tagħhom hija għall-flus.” Stqarr kif lejn l-aħħar kien tah €20,000 u qallu joqgħod itihom €5,000 fix-xahar. Qal li mbagħad beda jiddejjaq isaqsih għall-flus.

Fir-recording issemma żball. Qallu illi hu ried ifiehem lil Johann li biex ma jinkixfux kien lest jonfoq iktar. Qal li huwa beda jsaqsih lil Cremona, min qed jibgħatu lil Kenneth Camilleri u jekk dan kienx Keith Schembri. Melvin Theuma qal li huwa meta kien ġie Kenneth Camilleri u offra miljun u pledge, qal li hu daħħalha f’moħħu li kien bagħtu Keith Schembri iżda mbagħad ried ikun ċert.

Melvin Theuma kompla jgħid li lil Kenneth Camilleri huwa qatt ma ltaqa’ miegħu wara.

12:02 – Meta mistoqsi qal li hu beda jirrekordja d-diskorsi għaliex beda jibża’ li joqtluh. Theuma stqarr li “la kien wasal biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia aħseb u ara lilu x’kien jagħmillu.” Tenna li huwa beda jirrekordja wara li tressqu l-Qorti t-tliet akkużati.

Fl-awla kompla jinstema’ r-recording.

11:57 – Bħalissa fir-recording jissemma ħlas u Melvin jinstema’ jidgħi ripetutament. Fl-awla huwa ġie mistoqsi dwar €20,000 li fir-recording instema’ jgħid li ngħata. Spjega kif dawn tahomlu Yorgen Fenech għall-awħa Degiorgio. Qal li Yorgen Fenech qallu li hemm bżonn jibda jafdah. Theuma qal li huwa qallu li huwa tort tagħhom li hu jafdax lilu u lil Keith Schembri. Melvin Theuma sostna li għalih Keith Schembri dejjem kien iqisu mdaħħal fl-istorja iżda hu llum bil-ġurament ma jistax jgħid li Schembri huwa mdaħħal. Qal li għalkemm qallu kemm-il darba li kien jaħseb li Schembri huwa mdaħħal, Fenech qatt ma qallu jekk Keith Schembri kienx involut.

Theuma qal li huwa kien qed jaħseb li kienu ser jittraduh. Stqarr li għalihom dak iż-żmien kien għad fadal tmien xhur biex jibda l-ġuri tal-aħwa Degiorgio. Qal li huwa ma jiftakarx dati u tenna li llum jaħseb li ta data żbaljata dwar ‘recording’. Qal li dan ma jbiddel xejn dwar xiex inhu r-recording.

11:47 – Is-Supretendent Keith Arnaud talab biex tinqabeż l-ewwel biċċa tar-recording hekk għaliex mhux relevanti għall-każ. Il-Qorti reġgħet ordnat biex ismijiet li jissemmew f’dan ir-recording li ser jinstema’ issa ma jissemmewx fil-midja hekk għaliex dawn mhumiex relevanti għall-każ.

11:43 – Beda jixhed Melvin Theuma u qal li fir-recordings bdew jinstemgħu Melvin Theuma u Johann Cremona. Wara talba tal-Prosekuzzjoni l-Qorti ordnat sabiex persuni li qatt ma ssemmew s’issa fil-proċeduri biex ma jissemmewx fil-midja.

Bħalissa fl-awla qed jinstemgħu r-recordings.

11:34 – Fl-awla daħal Melvin Theuma li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda biex jixhed.

Is-Supretendent Keith Arnaud qal li qabel tinstema’ x-xhieda tiegħu, l-ewwel ser jkunu qed jinstemgħu xi recordings fl-awla. Dan sabiex jingħata kuntest għax-xhieda.

Aktar kmieni – F’awla 20 ser tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Bdiet is-seduta fejn fil-Qorti bħalissa qed ikunu ppreżentati xi traduzzjonijiet li kienu mqabbda li jsiru mill-Qorti fosthom ta’ xhieda li kienu ngħataw bl-Ingliż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *