Notifiki

Skema għar-restawr tal-bastimenti tas-sajd

Permezz ta’ skema għar-restawr tal-bastimenti, is-sajjieda Maltin u Għawdxin ser ikunu qed igawdu minn massimu ta’ €2,700 f’fondi nazzjonali biex jagħmlu manutenzjoni professjonali tal-bastimenti tradizzjonali tas-Sajd.

Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Sajd intqal kif is-sena li għaddiet gawdew 90 sajjied minn investiment ta’ iktar minn €100,000. Din is-sena huma eliġibbli għal din l-iskema 247 bastiment li huma kollha tal-injam u maħduma qabel l-2007. Dawn jinkludu l-luzzu, il-kajjik, il-firilla, il-frejgatina u l-bimbu.

Il-Ministru Anton Refalo stqarr kif din l-iskema ser tiggarantixxi li dawn il-bastimenti tradizzjonali Maltin nibqgħu narawhom jagħmlu parti mill-flotta ta’ bastimenti tas-sajd f’pajjiżna.

Huwa qal, “Is-settur tas-Sajd għandu aspett tradizzjonali qawwi u l-viżjoni ta’ dan il-Gvern hija li nħarsu dan l-aspett tradizzjonali.”

Id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Dr Alicia Said stqarret kif din l-iskema ser tkun ta’ għajnuna kbira għas-sajjieda.

Hija sostniet: “Din l-għajnuna li ser inkunu qed nagħtu lis-sajjieda ser inkunu anke qed nagħtuhom serħan il-moħħ b’dan il-mod sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż fejn jidħol l-injam, żebgħa, u dak kollu li għandu x’jaqsam mar-restawr ta’ dawn id-dgħajjes.”

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema huma mistennija jiftħu f’April biex sa Novembru d-Dipartiment jibda jirċievi l-irċevuti fiskali tan-nefqa li tkun saret f’manutenzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend