Notifiki

Fiequ 334 persuna mill-Covid-19 u 243 feġġew każ

Fl-aħħar sigħat fiequ 334 persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 243 każ fost 4,760 test li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Dan ifssier li 94.9% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 5.1% ġew pożittivi. S’issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 772,206 testijiet, u mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19, ingħataw 133,871 tilqima. Minn dawn, 41,621 persuna ħadu t-tieni doża. Fl-aħħar 24 siegħa wkoll, anzjan ta’ 75 sena u anzjana ta’ 76 sena mietu fl-Isptar Mater Dei waqt li kienu pożittivi għall-COVID-19.

Fil-bullettin mediku tagħha, is-Superetendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li din il-ġimgħa l-awtoritajiet tas-saħħa rreġistraw anqas każijiet pożittivi tal-virus, u qed jaraw tnaqqis ukoll fl-etajijiet tal-pazjenti. L-età medja tal-persuni li rriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19 din il-ġimgħa hija ta’ madwar 39 sena.

Il-Professur Gauci spjegat ukoll li l-maġġoranza tar-residenti fid-djar tal-anzjani tlaqqmu anke bit-tieni doża, u dan kollu qed iħalli impatt, tant li qed ikunu reġistrati ftit każijiet, u mhux każijiet gravi. Bħal mhu l-każ f’pajjiżi oħra, il-maġġoranza tal-każijiet l-attivi huma kawża tal-varjant Ingliż tal-Coronavirus u hemm tliet każijiet tal-varjant tal-Afrika t’Isfel. Hija ċċarat ukoll dwar l-Avviż Legali l-ġdid li se jillimita l-gruppi ta’ persuni li jinġemgħu fid-djar minn erba’ gruppi li jgħixu fi djar differenti għal tnejn, partikolarment f’każijiet fejn ġenituri jkunu jridu jżuruhom żewġ ulied li jgħixu fi djar differenti.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret ukoll li għadu għaddej il-programm ta’ tilqim madwar il-gżejjer Maltin, u kkonfermat li 80% ta’ dawk li għandhom aktar minn 80 sena li diġà tlaqqmu. Hawn appellat ukoll li f’każ li persuna li għandha 80 sena jew aktar għadha ma rċivietx l-appuntament għat-tilqima, tikkuntattja l-awtoritajiet tas-saħħa fuq in-numru 145 biex jinħarġilha appuntament.

Bħalissa, fl-40 ċentru tat-tilqim fil-Gżejjer Maltin, qed jitlaqqmu dawk li għandhom aktar minn 60 sena. Minħabba li dan hu grupp sostanzjali ta’ persuni, il-Professur Gauci spjegat li l-inviti għal dawn il-persuni qed jinqasmu fi gruppi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend