Notifiki

Ċentru f’Għawdex se jlaqqam l-Għawdxin kollha

Fil-gżira tat-tliet għoljiet qed jintensifika l-għoti tat-tilqim, dan hekk kif ċentru għall-konferenzi u l-expo fir-Rabat, Għawdex inbidel f’ċentru ewlieni tat-tilqim f’din il-gżira.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri żaru dan iċ-ċentru li hu magħruf ukoll bħala t-teatru Aurora.

Id-Deputat Prim Ministru qal li dan iċ-ċentru l-ġdid se jwassal biex l-Għawdxin kollha jitlaqqmu ġewwa Għawdex.

Chris Fearne ħeġġeġ lil kull min jgħix Għawdex u laħaq irċieva l-ittra ta’ stedina għall-vaċċin f’Malta biex iċempel fuq il-helpline 145 sabiex isir appuntament ieħor f’Għawdex stess.

Il-Ministru għas-Saħħa fakkar ukoll kif dan iċ-ċentru huwa wieħed minn erbgħin ċentru f’pajjiżna fejn qed jingħata t-tilqim.

Huwa stqarr: “Il-proċess ta’ tilqim sejjer b’rata tajba ħafna u bħalissa qegħdin nagħtu numru għoli ta’ tilqim ġewwa ċ-ċentri li qed niftħu apposta biex inkunu nistgħu nlaqqmu n-nies. Fil-fatt, wara li din il-ġimgħa ftaħna ċentru fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, illum qegħdin ninawguraw dan iċ-ċentru ġewwa l-Aurora f’Għawdex biex ir-residenti Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu t-tilqima tagħhom f’Għawdex stess.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega kif dan iċ-ċentru huwa aċċessibli għal kulħadd, hekk kif jinsab biswit l-akbar parkeġġ f’Għawdex.

Huwa qal, “Iċ-ċentru tal-vaċċinazzjoni ġewwa Għawdex, li propju beda jopera minn din il-ġimgħa, fejn qegħdin nivvaċċinaw 300 persuna kuljum, però qegħdin naraw ukoll li fi ftit tal-jiem oħra ntellgħu dan il-volum għal 400 persuna kuljum. U dan propju sabiex naraw li l-Għawdxin ikunu jistgħu jiġu vvaċċinati f’Għawdex stess, naraw il-proċess ikun mixi b’mod ħarir, kif fil-fatt qed jiġri.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend