Notifiki

Jgħidu li mhux il-waqt li pajjiżna jidħol f’emerġenza

L-imsieħba soċjali, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni Maltija għar-ristoranti u l-lukandiera, l-MHRA qalu li pajjiżna m’għandux għalfejn jidħol f’emerġenza ta’ saħħa pubblika.

Dan waqt il-programm fuq ix-xandir nazzjonali.

Mistoqsi mill-preżentatur jekk pajjiżna għandux jidħol f’emerġenza ta’ saħħa pubblika, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li sakemm ma jkunx hemm diżgwid bejn dak li jintqal mill-Gvern u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, pajjiżna m’għandux għalfejn jidħol f’emerġenza.

Qal, “Jiena li nagħraf huwa li kull meta fil-preżenza tal-politiċi jew mhux fil-preżenza tal-politiċi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ttina lilna dejjem il-kunfidenza li dak li qed jiġri huwa xjentifiku. Mela jiena sakemm qed nara jew aħna m’aħniex qed naraw diżgwid bejn dak li qed jitqal fil-pubbliku fil-preżenza tal-politiċi jew le, m’għandniex diffikulta. Kieku kien hemm kien ikollna problema iva u konna nkunu aħna l-ewwel nies li nippromovu li jkun hemm emerġenza ta’ saħħa pubblika.”

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra qal li emergenza hija l-aħħar ħaġa li l-gvern għandu jagħmel u għadu mhux il-waqt li ssir.

Qal, “Emergenza hija xi ħaġa illi tagħmilha, as a very very last resort, ma naħsibx li wasalna f’dik is-sitwazzjoni illi għandna kollass totali.”

Dan hu l-kontra ta’ dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech. L-imsieħba soċjali kollha qablu mal-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa li għadda, bil-għan li titrażżan l-imxija.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li l-ħaddiema Maltin qed jiġġieldu min se jieħu l-vaċċin, filwaqt li pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea hemm apatija kbira lejh.

Qal, “Naħseb aspett li jien nara differenti minn pajjiżi oħra, aħna membri tagħna kulħadd jiġġieled minn ħa jieħu l-vaċċin l-ewwel biex ikun moħħu mistrieħ, fejn trade unions oħra minn barra, aħna jkellmuna u hemm apatija kbira lejn il-vaċċin.”

Fil-programm l-imsieħba soċjali saħqu fuq l-importanza kulħadd isegwi l-miżuri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa, ħalli titrażżan din l-imxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend