Tkompli tinstema’ x-xhieda tal-Koħħu fil-kumpilazzjoni tal-aħwa Degiorgio

Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu spjega kif kien hemm pjan ieħor li tinqatel Daphne Caruana Galizia permezz ta’ AK47 wara li joħorġu b’vann minn sqaq ftit ’l isfel minn fejn kienet toqgħod hi. Dan ħareġ f’awla 22 fejn kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio li qed ikunu mixlija b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Waqt il-kontro-eżami ta’ Vincent Muscat ħareġ kif dan kien fi pjan li kellhom lura fis-sena 2015. Pjan li għalih qatt ma ngħataw ħlas u allura kien ġie abbandunat. Huwa spjega kif George Degiorgio mill-bidu kien iżjed favur li ssir bomba minħabba li b’hekk il-qtil seta’ jseħħ mingħajr il-bżonn li huma jkunu preżenti fiżikament fuq ix-xena tad-delitt.

Dwar l-ewwel kumplott li kien hemm biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, Vincent Muscat il-Koħħu qal li huma kienu mqabbdin biex iwettqu d-delitt minn Chris Cardona u l-Avukat David Gatt. Madankollu, fil-Qorti ħareġ kif dan kien dak li qallu George Degiorgio u li hu ma setax jikkonferma dan bħala fatt.

Dwar meta ġew arrestati, Muscat spjega li huwa kien jaf meta kellhom jarrestawhom għaliex kien qallu Alfred Degiorgio. Meta kien mistoqsi minn fejn saru jafu qal illi kien hemm żewġ sorsi u li filwaqt li Melvin Theuma kien qal lil Alfred Degiorgio, dan tal-aħħar kien sar jaf mingħand xi ħaddieħor ukoll. Madankollu, Muscat spjega kif huwa qatt ma staqsa minn fejn kienet ġejja din l-informazzjoni. Stqarr kif għal bidu kienu jafu li kien ser jitressaq George Degiorgio biss u ħasbu illi huma kienu ser ikunu rilaxxati ftit wara l-arrest.

Vincent Muscat spjega wkoll kif wara d-delitt, meta raw kemm dan id-delitt kienu qed jitkellmu nies dwaru, kemm lokalment iżda wkoll barra minn xtutna, qal kif l-aħwa Degiorgio kienu qalu illi kieku kienu jafu kienu jitolbu għal miljuni u mhux eluf. Dan b’referenza għas-somma ta’ mija u ħamsin elf ewro li daħħlu minn dan id-delitt.

Il-Koħħu ġie mistoqsi dwar m’għand min irċievew l-informazzjoni dwar il-passi ta’ Daphne Caruana Galizia.

Waqt il-kontro-eżami ġie mistoqsi jekk l-imputati u hu beżgħux imorru għand Ministru jitolbu l-għajnuna.

Il-Koħħu qal li dawn ma beżgħux għaliex Chris Cardona kien involut magħhom f’biċċa xogħol oħra qabel.

Hawnhekk Vincent Muscat kien mistoqsi dwar jekk f’dik l-biċċa xogħol kellhomx l-għajnuna materjali ta’ Ministru u huwa wieġeb fl-affermattiv.

Fl-awla ntqal li Muscat u l-aħwa Degiorgio kienu xtraw mobile u li bih kienu jibagħtu lil Daphne Caruana Galizia u jivvintaw stejjer fuq personaġġi differenti. Spjega kif hija bgħatitilhom lura darba biss fejn fil-messaġġ kienet qaltilhom illi hi ma tafx min huma u li għalhekk kellhom jaffaċċjawha. Xi ħaġa li qatt ma ġrat.

Vincent Muscat żvela wkoll kif huwa kien jaf li l-aħwa tal-Maksar kellhom pjan ieħor sabiex tinqatel persuna li kellha kariga għolja fil-Korp tal-Pulizija. Huwa spjega kif il-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia kienu ħallewhielhom taħt dgħajsa maqluba fejn it-tinda tal-patata u wrewhom kif taħdem ġol-garaxx fin-Naxxar l-għada. Fil-Qorti huwa qal kif il-bomba kienet tidher li kienet miġjuba minn barra lesta u li kienet maħduma sew.

12:21 – Tintemm is-seduta tal-lum. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli għada bil-kontro-eżami tax-xhud Melvin Theuma.

12:19 – Vincent Muscat qal li darba kien mar l-Avukat Arthur Azzopardi jarahom. Spjega kif dan kien ċempel lil xi ħadd mill-familja ta’ Vincent Muscat u qallilha li kellu jtih €6,000. Qal li Azzopardi kien mar għall-flus il-ħabs għax-xogħol li kien għamillu. Qal li jiftakar l-ammont kien iktar minn €6,000 u kien fadallu jagħti sitt elef minnhom.

Dwar jekk kienx involut f’komplott ieħor barra dawk li tkellem fuqhom biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, wieġeb fin-negattiv.

L-Avukat Difensur issuġġerixxa li li f’recording ta’ Melvin Theuma hemm imniżżel li hu kien miftiehem ma’ Arthur Azzopardi u xi ħadd ieħor li ismu ma jistax jissemma wara divjett li ħareġ il-ġimgħa l-oħra, li huwa kellu jieħu €3,000 għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li dan mhux minnu u lil din il-persuna ma jafx min hi.

Id-Difiża ssospendiet il-kontro-eżami.

Kompla jistaqsi l-Ispettur Keith Arnaud.

Vincent Muscat spjega kif fil-Qorti kien qed jassistih l-Avukat Martin Fenech li huwa avukat tal-għajnuna legali. Qal kif Dr Cuschieri kien għamel permess biex jkellem lil Vincent Muscat il-Koħħu wkoll u qal kif darba fost l-oħrajn wara li Arthur Azzopardi talbu l-flus huwa kien qallu biex itih ftit ċans.

Huwa sostna li kien hemm bosta laqgħat ma’ Dr Cuschieri u kienu jgħidulu li peress li l-proċeduri kienu qed isiru flimkien, hekk kienu jkunu jafu x’kellhom jgħidu. Vincent Muscat tenna li b’dawn il-laqgħat kienu jiltaqgħu mal-Avukat tal-aħwa u mal-aħwa Degiorgio u kienu jitkellmu dwar il-każ. Qal li l-Avukat li kellu dak iż-żmien rari kien jiġi għal dawn il-laqgħat.

12:02 – Dwar l-ewwel komplott li semma Vincent Muscat qal kif huwa qatt ma tkellem dwaru ma’ Chris Cardona jew David Gatt iżda qal li dak li jaf kien biss mingħand George Degiorgio.

Dwar l-għajnuna materjali mingħand Chris Cardona u Ministru ieħor, Vincent Muscat qal li din kienet biss verżjoni li sema’ mingħand l-aħwa Degiorgio u mhux għax kien jaf hu bħala fatt.

Dwar jekk jistax jixhed dwar l-involviment ta’ Chris Cardona u Ministru ieħor f’reat ieħor Vincent Muscat qal li dan kien qallu biss dwarha Alfred Degiorgio u ma jafx dwarha hu direttament.

11:56 – Dwar jekk Yorgen Fenech kellux id-dettalji tagħhom fil-mobile tiegħu, Vincent Muscat ma kienx jaf iwieġeb.

Spjega kif kieku kienu jafu li kien ser ikun hemm daqshekk diskors dwar id-delitt, qal li l-aħwa qalu illi kieku kienu jitolbu l-miljuni u mhux l-eluf tal-ewro.

Qal li wara l-omiċidju huwa kien iltaqa’ mal-aħwa Degiorgio fejn il-Mile End u wieħed mill-aħwa qal li xi ħadd kien qalilhom biex fl-awla jidħlu b’rashom ‘il fuq.

Il-Parte Civile ssospendiet il-kontro-eżami.

Kompla jagħmel il-mistoqsijiet l-Avukat Difensur tal-aħwa Degiorgio.

11:52 – Vincent Muscat spjega kif bdew jużaw karozza iżjed żgħira minħabba t-toroq dojoq.

Dwar dik il-karozza li ppruvaw fuqha l-falza, qal li damet għandhom ftit sigħat. Qal kif kien qalilhom tal-Maksar biha. Vincent Muscat qal kif Melvin Theuma kien jinżel ta’ spiss fit-tinda tal-Marsa. Qal kif darba Theuma qalilhom imorru jieklu kollha l-Waterfront iżda dawn qalulu li kien għadu kmieni wisq hekk kif kien ilu biss ftit sigħat li seħħ ir-reat.

Vincent Muscat spjega kif għall-ħlas wassal lil Alfred Degiorgio Wied il-Għajn u qagħad jistenna hemm. Qal li ħa ħobża biż-żejt u kafè u wara qisu tliet kwarti rah ġej. Kif mar biex jirkeb fejn il-passiġġier Alfred Degiorgio qallu biex isuq hu. Qal li kien hemm €120,000. Baqgħu sejrin f’tinda tal-patata. Minnhom Vincent Muscat ingħata €40,000.

Meta mistoqsi jekk George Degiorgio kellux pjan li jsiefer, qal kif kien niżel it-tinda tal-patata u Alfred Degiorgio kien sejjer jistad. Qal kif għad-disgħa ta’ filgħodu niżel it-tinda u qal li sakemm ser idur ra d-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio għadha hemm. Meta staqsieh għaliex ma marx jistad qallu li kien sar jaf li ser jarrestaw lil George Degiorgio. Dan qallu jmur jgħidlu iżda lil Alfred Degiorgio qallu biex jgħidlu hu għax hu kien ħuh. Vincent Muscat għajjatlu waqt li kien qed jieħu l-kollazzjon u meta qallu jmur ikellem lil ħuh dan qallu “Ili nistennieha”. Hu qal li meta bdew telgħin ix-xhieda induna li l-aħwa kienu gidbulu. Dan speċjalment fuq l-użu tal-mobiles. Vicent Muscat kompla jgħid li Alfred Degiorgio sar jaf li uża l-mobile biex imur ma’ xi Russa Għawdex.

Vincent Muscat qal li fil-ħabs jeżisti post jismu s-‘single room’. Qal li l-aħwa qass riedu jemmnu li żammewhom hemm. Vincent Muscat qal li kien Alfred Degiorgio li qallu li ser ikun arrestat fi żmien ġimagħtejn u meta mistoqsi minn fejn sar jaf qal li hu ma kienx iħobb jistaqsi.

Qal li fit-tinda kien hemm kelba tal-labrador u kostumi tal-Halloween, u qal li meta saru jafu li ġejjin il-pulizija neħħewhom.

Qal li kien jaf il-ġurnata speċifikament meta kienu ser ikunu arrestati.

Vincent Muscat qal li Alfred Degiorgio kien qallu ġimagħtejn qabel l-arrest meta kellhom ikunu arrestati u fl-istess perjodu Melvin Theuma qallu wkoll u Alfred ukoll reġa’ qallu meta kienu ser jarrestawhom.

Qal li kienu jafu li ser isiru l-arresti fejn it-tinda. Qal li huma xorta marru t-tinda għaliex Alfred Degiorgio kien qallu li jekk jibqa’ d-dar xorta kienu ser jmorru għalih id-dar.

11:30 – Kompla jixhed Vincent Muscat il-Koħħu u hawn ġie mistoqsi dwar min kellhom l-informazzjoni. Jason Azzopardi staqsieh dwar kif ma beżgħux imorru għand Ministru jitolbu l-għajnuna. Qal li dawn ma beżgħux għaliex Chris Cardona kien involut magħhom f’biċċa xogħol oħra qabel. Vincent Muscat kien mistoqsi dwar jekk f’dik l-biċċa xogħol kellhomx l-għajnuna materjali ta’ Ministru. Huwa wieġeb fl-affermattiv.

11:06 – Dwar dak li qal fis-seduta li għaddiet li darba fis-sajf lil Daphne Caruana Galizia rawha dieħla mar-raġel tagħha l-Phoenicia l-Belt, spjega kif dan kien għall-aħħar ta’ Settembru. Qal li darba kien ċempillu Alfred Degiorgio u marru l-Bidnija. Vincent Muscat tenna li ħasbu li l-familja Caruana Galizia kienu ser isiefru għal dejjem għax rawhom b’numru ta’ baqgalji kbar. Qal li l-ajruport raw li kienu ser isiefru l-koppja Caruana Galizia. Qal li dawn segwewhom mill-Bidnija sakemm waslu l-ajruport. Sostna li darba oħra raw lilha u lir-raġel tagħha u lill-ġenituri ta’ Caruana Galizia deħlin il-lukanda Phoenicia.

Dwar kif il-bomba ġiet f’idejhom, qalulhom li Jamie Vella u Robert Degiorgio kienu ser iġibu xi bombi minn barra. Qal li huma ħadu l-pussess tal-bombi bejn Awwissu u Settembru. Qal li l-bomba sabuha taħt it-tinda tal-patata taħt dgħajsa maqluba. Vincent Muscat qal li George Degiorgio kien qallu biex waranofsinhar bejn is-siegħa u s-sagħtejn, kellhom iġibulhom il-bomba u jħalluha taħt id-dgħajsa.

Huwa spjega li kif sabuha taħt id-dgħajsa ħaduha mill-ewwel in-Naxxar ġol-garaxx.

Spjega kif George kien qallu li Robert Agius kien ser iħalli karozza l-Mosta biex jiggaraxxjawha Ħal Qormi. Din biex jekk ikollhom bżonnha, din tkun għandhom.

Spjega li huma kienu miftiehmin ma’ Robert u Jamie Vella li wkoll telgħu l-garaxx biex juruhom kif taħdem il-bomba. Qal kif ma’ Robert Agius u Jamie Vella kien ikun hemm persuna oħra li jsuqhom iżda li ma’għandu x’jaqsam xejn.

Qal kif fil-garaxx fin-Naxxar dawn urewhom kif taħdem il-bomba. Qal li din kienet tidher maħduma barra għax kienet maħduma b’ċertu serjetà.

Vincent Muscat qal kif kellhom messaġġ b’ħafna numri u ittri sabiex ma jmurx jidħol xi messaġġ ieħor li jixgħel il-bomba, u allura dan kien speċifiku li jixgħel il-bomba hu.

Muscat spjega kif ġieli kien imur ma’ George Degiorgio jistadu fuq id-dgħajsa.

Muscat spjega kif huwa dejjem sema’ li l-bomba ta’ Romeo Bone, l-bomba kienet imwaħħla fejn ir-rota u allura kienet inqas effettiva.

Muscat kien mistoqsi meta ra tfajliet u ġuvintur deħlin fid-dar ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal kif Alfred Degiorgio kien qed jagħmel l-għassa u ra numru ta’ tfajliet u ġuvintur deħlin. Dakinhar kien hemm festin.

L-Avukat Jason Azzopardi talab għal waqfa ta’ għaxar minuti.

10:46 – Qal li George Degiorgio kien dejjem prefera l-bomba għax din tista’ tattivaha mill-bogħod. Qal kif Alfred Degiorgio kien jgħidlu li jekk ħa jdumu, Daphne Caruana Galizia kienet ser tilħaq toħroġ l-informazzjoni u jkollu jwaqqafhom. Qal li Alfred Degiorgio kien ħa lil Theuma fuq il-post bil-karozza ta’ Vincent Muscat.

Sostna li Vincent Muscat sadattant kien għassa post ieħor.

Meta mistoqsi spjega kif tal-Maksar kienu qed jgħaddu ammonti ta’ flus lill-aħwa Degiorgio fix-xahar.

Huwa ġie mistoqsi jekk kienx sar jaf b’xi pjan biex tinqatel persuna oħra f’kariga. Vincent Muscat wieġeb iva u qal li dan kellu kariga għolja fil-Korp tal-Pulizija. Spjega kif ma’ din il-kumplott tal-qtil pjanat kellu x’jaqsam Robert Agius u Jamie Vella.

10:41 – Dwar meta mbagħad kien ġie Melvin Theuma għandhom biex jagħtihom din il-biċċa xogħol qal li huwa kien niżel fit-tinda tal-patata u kien hemm Alfred Degiorgio u qallu li kien ġie Theuma u qallu li kellu biċċa xogħol għalihom. Qal li kienu miftehmin jiltaqgħu l-Imsida u kien qallu biex iwasslu. Qal li huwa waqqfu fejn kafetterija hemm u huwa mar jistenna fejn il-knisja. Meta ġie lura qallu li ridhom joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. Qal li hawnhekk kienu għadhom ma ftehmux dwar ħlas.

Qal li riedu joqtluha għax kienet ser toħroġ xi dettalji fuq xi ħadd. Qal li Theuma dak iż-żmien xogħlu kien xufier Portomaso. Qal li huma kienu ftiehmu li l-ħlas kien ser ikun ta’ mija u ħamsin elf iżda dwar depożitu minħabba li d-darba ta’ qabel kien ma ġiex, huma talbu li jitolbu €30,000 lil Melvin Theuma biex jiġri x’jiġri huma kienu ser jieħdu xi ħaġa. Qal li lil Alfred Degiorgio wasslu kemm-il darba l-‘Busy Bee’ l-Imsida u hu kien jitolbu jwasslu. Hu kien jgħidlu li ser jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma għalkemm qal li huwa lanqas qatt ma rah hemm.

Qal li mill-ewwel bdew il-preparamenti. Dan ifisser li l-aħwa Degiorgio u hu bdew mill-ewwel jagħmlu l-għassa. Qal li kienu jiltaqgħu waranofsinhar u jibqgħu hemm sakemm jidlam sew.

Vincent Muscat qal kif darba fost l-oħrajn wassal lil Alfred Degiorgio u qallu jtih ċans biex jirranġa dwar il-flus iżda qallu jiltaqgħu jumejn wara. Reġgħu ltaqgħu u qallu li l-flus kienu għandu u mbagħad qalilhom biex jistennew ħa tgħaddi l-elezzjoni. Wara l-elezzjoni bdew għaddejjin il-ġranet u huma ħasbu li Theuma ma kienx ser jiġi. Qal li kien wassal lil Alfred Degiorgio għal depożitu ta’ €30,000. Qallu li qabel l-elezzjoni Theuma kien ta xi flus lil Alfred Degiorgio, madwar €1,500 u Muscat messu minnhom xi €350.

Dwar ir-rifles qal li kien hemm tlieta. Tnejn minnhom ma kinux ikkultivati iżda l-oħra kienet tidher aħjar ħafna. Meta mistoqsi kemm wara l-elezzjoni ra din l-arma, Muscat qal li kien hemm perjodu ta’ xahar.

Qal li din kienet tieħu balla kbira u kellha ‘scope’.

Spjega kif din kienet tinżamm f’garaxx in-Naxxar li dak iż-żmien iċ-ċwievet kienu f’idejn Robert Agius u Jamie Vella. Qal li meta mar l-ewwel darba fih kien hemm Pajero antika u dawn riedu jneħħuha ħalli jkunu jistgħu jdaħħlu l-karozza tagħhom, jiġifieri dik li kienet ser tintuża minnhom. Qal li din kienet karozza tal-għamla Vitz.

Qal li din l-arma kienet ġiet ippruvata ġewwa għalqa f’Ħaż-Żebbuġ minn Alfred Degiorgio.

Muscat spjega kif ma setgħux jaqbdu art ta’ xejn hekk kif kienu jaraw biss lill-ħassiela u l-ġardinar.

10:18 – Qal li dan kollu kien qed jiġri ma’ George Degiorgio u Jamie Vella għaliex Alfred Degiorgio kien għadu l-ħabs dak iż-żmien.

10:17 – Huwa spjega kif Degiorgio kien qallu li sejjer jiltaqa’ ma’ Cardona biex jitkellem dwar Daphne. Qal li huwa qallu jwasslu ħdejn ir-roundabout ta’ Portomaso. Jamie Vella kien uriehom fejn toqgħod Daphne għaliex huwa kellu razzett fil-qrib. Qal li kienu ftehmu li jitolbu €150,000 u talbu depożitu ta’ 50,000 iżda dawn qatt ma waslu.

Qal li għal bidu ma setgħu jaraw xejn. Qal li kienu jagħmlu tliet sigħat, erba’ sigħat u jitilqu. Qal li kienu marru bil-karozza tiegħu qrib id-dar ta’ Caruana Galizia. Hemmhekk raw BMW antika convertible u mal-bieb kellha tabella li kien hemm xi klieb u l-karozza kienet qisha mitluqa. Imbagħad David Gatt kien qalilhom fejn Caruana Galizia kienet taħdem. Dan b’referenza għal binja tal-Gazzetta ‘The Malta Independent’. Wara kienu saru jafu li l-BMW kienet tagħha iżda huma ma rawhiex. George Degiorgio dejjem kien jissikka lil David Gatt għad-depożitu u dawn qatt ma ġew u allura kienu waqfu.

Spjega kif huma kienu diġà bdew jippjanaw kif kellu jsir il-qtil tagħha. Huma kellhom f’moħħhom li jistennewha f’xi sqaq u kellhom f’moħħhom li jwaqqfuha b’vann u ‘jimmaxingjawha’ u mbagħad jaħarbu. Qal li kienu ġa ġabu Ak47 minn barra u qal li semagħha tiġi sparata.

Muscat qal li kienu xtraw xi mobile Nokia u kienu joqogħdu jibgħatulha l-messaġġi u jivvintaw dwar il-Ministri. Meta darba niżel it-tinda qalulu kif Daphne Caruana Galizia qaltlu illi billi qed jibgħatilha l-messaġġi hi ma tafx min hu u talbitu jaffaċċja, xi ħaġa li qatt ma ġrat.

10:04 – Dwar ir-relazzjoni ta’ Chris Cardona u David Gatt spjega kif dawn kellhom l-istess uffiċċju f’Birkirkara. Huwa qal kif huwa kien l-iktar ikellem lil Afred milli lil George Degiorgio. Spjega kif Chris Cardona u David Gatt kienu ħbieb intimi tal-aħwa Degiorgio. Vincent Muscat qal kif qatt ma mar għand Cardona jitolbu xi pjaċir wara li sar Ministru. Vincent Muscat qal kif lil David Gatt sar jafu meta Cardona kien l-Avukat tiegħu. Spjega kif David Gatt qatt ma mar iżuru l-isptar. Dwar jekk kienx ġie l-ħabs fl-2017 u ma ħallewhx jidħol ma setax jikkonferma. Qal kif xi ħadd mill-aħwa Degiorgio kien qallu biex meta jarrestawhom iqabbdu lil David Gatt bħala l-Avukat tagħhom.

Dwar Melvin Theuma, Vincent Muscat qal li ilu jafu. Qal li ilu jafu għal ħmistax – għoxrin sena. Qal li kien ilu jafu u kien ikellmu speċjalment fuq logħob taż-żwiemel. Spjega kif Theuma kien jarma bħala xufier tat-taxi lejn l-ajruport u Portomaso. Qal li huwa qatt ma kellu għalfejn jiddubita minn Theuma. Qal li Melvin u l-aħwa Degiorgio kienu sewwa ħafna, speċjalment ma’ Alfred li kien isemmi lil Theuma li kien itih il-flus meta kien il-ħabs.

9:57 – Huwa kien mistoqsi meta sar jaf lil Chris Cardona. Qal li fl-2010 huwa kien l-avukat tiegħu meta tressaq dwar is-serqa tal-HSBC. Wara li sar Ministru huwa qal li kien kellmu darba sa darbtejn il-Belt ġo ħanut żgħir li jinsab fejn il-ġnien ta’ Hastings.

Qal li kien ħadu l-Avukat David Gatt. Huwa spjega kif Cardona kien qallu kif David Gatt kien ħbielu tliet mitt gramma kokaina fl-uffiċċju tiegħu. Qal iżda li f’dan iż-żmien ma kienx għadu Ministru. Vincent Muscat spjega li hu kien jaf li David Gatt kellu xi tliet mitt gramma kokaina u qal kif kien qed jixrob ġo ħanut is-Siġġiewi u hemmhekk kien hemm Chris Cardona.

Hemmhekk kien qallu x’kien għamillu David Gatt li kien ħeba d-droga ġol-uffiċċju tiegħu u qal kif dan kien ħbiehom fis-suffett.

9:51 – L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-Parte Civile beda billi staqsa lil Vincent Muscat biex jgħid ftit dwaru. Huwa spjega li għamel żmien jaħdem il-Libja għal tliet xhur ma’ Alfred Degiorgio. Qal li hu ilhom jaf lill-aħwa Degiorgio għal 35 għal 40 sena.

Spjega kif għas-sena 2016 meta Alfred Degiorgio kien miżmum fuq arrest preventiv huwa baqa’ joħodlu l-ikel nhar ta’ Ħadd u qal li ta’ kuljum għamel żmien imur għalih il-ħabs u jwasslu għax-xogħol.

Vincent Muscat qal li fit-tinda tal-patata ilu jmur minn madwar l-2005. Spjega kif għall-bidu kienu jkunu l-klabb tar-regatta jieħdu l-kafè u mbagħad bil-mod il-mod ressqu lejn it-tinda. Jason Azzopardi staqsieh jekk jaqbilx li din it-tinda hija tal-Gvern u dan qabel miegħu.

Meta mistoqsi min kellu ċ-ċwievet ta’ kamra li kienet inbniet fuq naħa tat-tinda huwa qal li għamlu żmien għandu iżda ċ-ċwievet kienu jkunu l-iktar għand George Degiorgio. Spjega li hemm kellhom salott, televixin, shower u kamra tal-banju u hemm kienu jgħaddu l-ħin. Qallu li ftit ‘il bogħod kien hemm numru ta’ dgħajjes maqlubin rashom ‘l isfel. Spjega kif huwa kien imur sikwit u din kienet ġiet rutina ta’ kull filgħodu li jmorru hemm. Spjega kif l-aħwa Degiorgio kienu jagħmlu l-istess bħalu. Qal li kienu jmorru ħafna nies hemm mill-Marsa. Meta mistoqsi dwar l-aħwa tal-Maksar huwa qal li l-ewwel sar jaf lil Robert Agius u mbagħad lil ħuh. Qal li fit-tinda saru diskussjonijiet dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop. Qal li anke Jamie Vella kien jinżel fit-tinda. Spjega kif Jamie Vella u Robert Agius kienu jinżlu u bdew jinżlu mill-2015-2016.

9:34 – Kemm l-aħwa Degiorgio kif ukoll Vincent Muscat il-Koħħu jinsabu preżenti fl-awla. Vincent Muscat jinsab bilqiegħda fuq is-siġġu li minn fuqu qiegħed jixhed, wara li fis-seduta preċedenti ngħata l-permess li jixhed minn bilqiegħda.

Aktar qabel –  F’awla 22 illum mistenni jkompli jixhed Vincent Muscat il-Koħħu fil-każ kontra l-aħwa Degiorgio li qed ikunu mixlija b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend