Notifiki

BIL-FILMAT: Bernard Grech jgħid li ma jużax kejl differenti meta jiddefendi lil Jason Azzopardi

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jibqa’ jiddefendi lil Jason Azzopardi, li ONE News żvela li dan ma kienx jiddikjara d-dħul tiegħu għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.

Quddiem anki l-fatt li għall-2019, Jason Azzopardi kien ma ddikjara li qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf li għandu klijentela tajba, Bernard Grech ipprova jaħbi dan il-fatt.

F’intervista mxandra fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kien mistoqsi dwar il-fatt li hu qed jibqa’ joħroġ għonqu għal deputat li anki hu stess ammetta li kien iddikjara falz.

Dan għaliex wara li nqabad li qal li ma qala’ xejn mill-professjoni ta’ Avukat matul l-2019, mar jiġri ibiddel il-formola tat-taxxa l-għada li żvelajna dan.

Fil-fatt fil-formola l-ġdida li mela, issa Jason Azzopardi qal li qala’ xi ħaġa mill-professjoni legali, iżda skont Bernard Grech, hu ma jimxix b’riga differenti.

Il-Kap Nazzjonalista mill-bidu saħaq li hu m’għandux jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.

Wara din id-dikjarazzjoni m’għaddewx ħafna jiem milli qal din.

Hu qal, “Li jiena fejn jirrigwardja kull deputat, jiena ħadt il-passi.”

Bernard Grech ipprova jagħti l-impressjoni li dejjem ħa azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi iżda r-realtà hi mod ieħor hekk kif kien anki ddefendih fil-każ tal-kamra lussuża f’Tel Aviv, li Jason Azzopardi ħa m’għand tal-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Dakinhar Bernard Grech ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi, li kien qal li ssospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari, f’dik meqjusa bħala mossa finta u imbagħad Bernard Grech reġa’ daħħal baxx baxx lil Azzopardi fil-grupp parlamentari.

Lil dak li għenu biex isir Kap, Bernard Grech qed jibqa’ jiddefendih b’kull mezz u jtenni li s-saga tat-taxxa ta’ Jason Azzopardi, saga oħra simili għal tiegħu, hija każ magħluq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend