Kienu lesti jisplodu l-bomba bil-qraba magħha

L-aħwa Alfred u George Degiorgio kienu lesti jisplodu l-bomba ta’ Daphne Caruana Galizia anke bi qraba magħha.

Dan intqal minn Vince Muscat, il-Koħħu waqt li kien qed jixhed fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio.

Dan wara li fl-aħħar ta’ Frar ammetta li qatel lil Caruana Galizia u ġie kkundannat ħmistax-il sena ħabs.

Waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, Vince Muscat semma kif f’dik is-sena tal-omiċidju, Alfred Degiorgio mar fuqu u qallu li għandhom biċċa xogħol tajba, fejn ftehmu li se jieħdu mija u ħamsin elf ewro bejniethom it-tlieta.

Muscat qal kif huwa għal darba darbtejn wassal lil Alfred Degiorgio f’kafeterija fl-Imsida, fejn hawn Degiorgio kien qed jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma dwar il-ħlas.

Fix-xhieda tiegħu, il-Koħħu qal li darba minnhom Melvin Theuma qal li jistgħu jmexxu bil-pjan sabiex tinqatel Caruana Galizia. Hawnhekk, Theuma tagħhom depożitu ta’ tletin elf ewro u bdew jaħdmu fuq pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Hemmhekk, il-Koħħu flimkien mal-Fulu bdew isegwu l-vittma minn ġewwa l-Bidnija u kienu jagħmlu dan għax ma tantx kellhom informazzjoni dwar il-vittma.

Muscat qal li sabiex jikkomunikaw huma xtraw erba’ mobiles, għalihom it-tlieta u Melvin Theuma, sabiex jikkomunikaw bejniethom.

Fl-awla fil-Qorti, Vince Muscat qal li l-aħwa Degiorgio kienu jġibu l-informazzjoni mingħand persuna, li ma tistax tissemma skont ordni tal-Qorti. Intqal kif huwa kien wassal lil Alfred Degiorgio l-Belt sabiex jiltaqa’ ma’ din il-persuna.

L-ewwel pjan tagħhom kien li jisparaw u joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. Vince Muscat qal kif darba minnhom kienu marru f’razzett ħdejn id-dar tal-vittma fil-Bidnija u f’nofs ta’ lejl raw lil Caruana Galizia taħdem.

Qal kif Robert Agius tal-Maksar flimkien ma’ Jamie Vella kienu ħadulhom tliet rifles f’garaxx taħt l-art fin-Naxxar, fejn wieħed minnhom kien ta’ kwalità tajba.

Il-pjan tal-isparatura waqaf wara li George Degiorgio ma kienx qabel ma dan u ftit jiem wara semma li Jamie Vella u Robert Aguis kien se jtuwhom tliet bombi.

Dwar il-bomba, il-Koħħu qal kif din il-bomba kellha batterija li ddum isservi xhur, fejn kellha SIM Card imqabbda magħha u ħames mitt gramma ta’ ġelatina. Din il-bomba nżammet f’żewġ garaxxijiet, fin-Naxxar u Santa Venera.

Il-pjan kien li Caruana Galizia tinqatel ġimgħa qabel, fejn kienu se jagħmluha l-Belt, hekk kif kienet f’lukanda viċin, iżda meta daru l-belt kollha t-tfittxija kienet fin-negattiv.

Muscat qal kif l-unika darba li Daphne Caruana Galizia ħalliet il-karozza barra kien lejliet id-delitt.

Lejliet id-delitt, il-Koħħu rċieva telefonata m’għand Alfred Degiorgio u tella’ l-bomba minn Santa Venera għal Bidnija. Kien għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu meta l-bomba tpoġġiet fil-karozza u qabel ġabu karozza tal-istess tip, fejn studjaw il-karozza sew.

Qal kif dakinhar tad-delitt, Vince Muscat u Alfred Degiorgio kienu hemmhekk filgħodu kmieni u qal kif il-bomba ġiet attivata ftit qabel kellha tieħu. Il-bomba ġiet attivata billi George Degiorgio bagħat messaġġ meta kien fuq il-baħar.

Muscat qal kif l-aħwa Degiorgio ma stennewx li dan il-qtil kien se jkun daqshekk fl-aħbarijiet u qal kif ftit tal-jiem ingħata erbgħin elf ewro.

Muscat qal kif huma t-tliet persuni kienu jafu li se jiġu arrestat sa minn ġimagħtejn qabel u darba ra l-aħwa Degiorgio u qalulu li se jiltaqgħu ma’ Chris Cardona.

Ix-xhud kompla jgħid li darba ra lill-Avukat David Gatt fit-tinda tal-patata u hu staqsa lil Alfred Degiorgio jekk dan kienx jaf bid-delitt.

Dan wieġbu li Keith il-Kasco qallu b’kollox.

Aġġornament b’mod dirett

Nota: Tul is-seduta tal-lum fil-Qorti ssemmew individwi li fuq ordni tal-Qorti ma jistgħux jiġu ppubblikati dettalji. ONE News jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti.

14:36 – Muscat qal kif Alfred Degiorgio naddaf il-karozza l-bajda u mar itiha lura lis-sid. Muscat qal kif il-flus inġabru f’Wied il-Għajn, fejn Alfred Degiorgio tah €40,000.

Qal kif ġimagħtejn u tliet ġimgħat qabel kienu jafu li ġejjin fid-data tal-4 ta’ Diċembru u kienu jafu li ġejjin għalihom il-pulizija filgħodu kmieni.

14:19 – Vince Muscat qal kif il-bomba kellha tisplodi aktar l-isfel fit-triq u ċċekkjaw li fit-triq ma jkun hemm ħadd iżjed. Qal kif huwa u Alfred Degiorgio ħasbu li l-bomba kienet difettuża, dan hekk kif inħass ħoss żgħir u ftit duħħan. Żied jgħid kif huma telqu minn fuq il-post mal-ewwel u rema’ l-mobile li kien jikkomunika mal-aħwa Degiorgio. Qal kif l-aħwa Degiorgio u huwa kienu marru fit-tinda tal-patata. Muscat qal kif xegħel il-karozza l-ewwel ħaġa li semgħa kien l-aħbarijiet fuq ir-radju.

14:15 – Qal kif kien għadda ħafna ħin u lil Alfred Degiorgio kien ċempillu George Degiorgio jistaqsi jekk ġarax xi ħaġa. Il-ħsieb tagħhom kien tinżel parti mit-triq, kienu jgħaddu l-messaġġ li jista’ jwettaq il-pjan lil George biex jibgħat il-messaġġ, iżda kif ħarġet, Alfred Degiorgio ċempillu sabiex jaħsiblu iżda reġgħet daħlet. Imbagħad ftit wara reġgħet daħlet u ħarġet, iżda l-messaġġ intbagħat ftit qabel min naħa ta’ George Degiorgio.

14:14 – Għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, poġġew il-bomba u għamlu madwar siegħa oħra hemmhekk. Muscat qal li mar il-flat għand Alfred Degiorgio, San Pawl il-Baħar u għal xil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu kienu l-Bidnija, għax il-vittma segħtet ħarġet f’kwalunkwe ħin. Huma qagħdu f’dik il-kamra mitluqa fejn kellhom pożizzjoni eżatt għal fuq id-dar ta’ Caruana Galizia. Muscat qal kif il-pjan kien li Alfred Degiorgio jibgħat lil ħuħ li jista’ jibgħat il-messaġġ sabiex jattiva l-bomba qattiela. Qal kif George Degiorgio kellu joħroġ fuq id-dgħajsa tiegħu dakinhar.

13:55 – Qal kif Alfred Degiorgio l-Fulu ċempel lil ħuħ sabiex jiġi fuq il-post u ftehmu li jekk il-karozza tibqa’ hemm barra, kienu se jmexxu bil-pjan tagħhom. Qal kif hu u Alfred Degiorgio marru jpoġġu l-bomba lil dawk in-naħat, filwaqt li George baqa’ jiċċekkja u tpoġġiet lejn il-ġibjun, ir-rażżett viċin id-dar ta’ Caruana Galizia.

Bejn nofsillejl u s-siegħa ta’ filgħodu tas-16 ta’ Ottubru, George Degiorgio wassal lil ħuħ Alfred u lil Vince Muscat u marru jpoġġu l-bomba. Vince Muscat qal kif Alfred libbes il-bomba u George Degiorgio ħa l-mobile li kien se jattiva l-bomba.

13:48 – Is-Supretendent Keith Arnaud staqsa lil Muscat dwar lejliet l-omiċidju u qal kif darba minnhom ċempillu Alfred Degiorgio li l-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia kienet waħidha. Muscat qallu kif se jniżżel il-bomba minn Santa Venera sal-Bidnija, hekk kif kien għall-ħabta tat-8 u d-9 ta’ filgħaxija. Muscat qal kif huwa xorta waħda spiċċa mexxa l-bomba minn Santa Venera għal Bidnija waħdu. Qal kif l-ewwel għadda t-tinda tal-patata, minħabba li hemmhekk kienu jżommu ċ-ċviewet. Mar il-garaxx ta’ Santa Venera u ċċekkja li qegħda fil-kaxxa tal-kartun u hemm il-mobile sabiex tkun tista tintuża l-bomba.

13:19 – Qal li l-bomba ċaqalquha lejn Santa Venera, minħabba li Carauna Galizia kienet il-Pheonica u ħasbu li fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru kienu se jmorru bil-pjan tagħhom. Matul dik l-ewwel ġimgħa, l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat fittxu madwar il-Belt kollu għall-karozza, iżda it-tfittixjiet tagħhom kienu fin-negattiv.

Il-ħsieb tagħhom kien li jpoġġu l-bomba taħt is-seat tal-karozza u qal kif hu u Alfred Degiorgio marru jġibu karozza minn Buġibba. Qal kif huma studjaw din il-karozza sew fit-tinda tal-patata fil-Marsa.

13:04 – Meta mistoqsi mis-Supretendent Keith Arnaud dwar il-fatt li ma kinitx waħedha, Vince Muscat wieġeb li huma kienu qalu li ssir xorta anke jekk kien ikun hemm ir-raġel jew it-tfal, minħabba li din il-biċċa xogħol kienet trid tinħeles malajr.

12:53 – Il-bomba kienet inżammet f’diversi postijiet fosthom ġol-garaxx tan-Naxxar u anke f’garaxx f’Santa Venera.

Muscat qal kif xhur qabel id-delitt, Alfred Degiorgio ra lill-familja ta’ Caruana Galizia ħerġin b’bagalja u segwihom sal-ajruport. Qal kif darba’oħra segwu lill-vittma sal-Belt u kkunsidraw li jpoġġu l-bomba hemmhekk, iżda ħasbu li seta’ jirkeb xi ħaddieħor magħha fil-karozza.

12:37 – Waqt din il-konverżazzjoni, George Degiorgio kien qal li kien qed jispera li l-bomba toqtolha u mhux biss titlef saqajha, b’referenza għal dak li ġara fil-każ ta’ karozza bomba ta’ Romeo Bone li ġara fl-Imsida. Jamie Vella kien qal li f’dak il-każ il-bomba tpoġġiet viċin ir-rota tal-karozza u mhux taħt is-seat tal-karozza. Muscat qal kif imbagħad Alfred Degiorgio qabad flixkun tal-ilma żgħir u mlieħ bil-petrol u tefgħu mal-bomba. Dan sabiex il-bomba jkollha iżjed impatt.

12:30 – Meta kien qed jispjega l-bomba, Vince Muscat qal kif din kellha batterija li ddum ma taqa’, isservi xhur sħaħ. Qal kif meta ċċekkjaha dejjem full sabuha l-batterija tal-bomba. Qal kif kien hemm SIM Card mal-bomba, fejn meta jintbagħat messaġġ kienet se tieħu ftit sekondi wara. Qal kif Robert Agius u Jamie Vella kien spjagaw li din il-bomba kellha 500 gramma ta’ gelatina.

12:09 – Muscat qal kif huma kienu lestew kollox fl-ixkejjer fir-razzett fil-pjan sabiex jisparaw lill-vittma. Semma kif darba minnhom matul il-lejl, sid ir-razzett kien mar fir-razzett għax kien nesa xi ħaġa, iżda Muscat u Degiorgio ħarbu jiġru u staħbew.

12:01 – Vince Muscat qal kif darba minnhom George Degiorgio kien wasSalhom hemmhekk, biex ma jħallux il-karozza hemm. Qal kif anke daħlu f’razzett ħdejn id-dar ta’ Caruana Galizia, fejn għall-ħabta tas-2:00 ta’ filgħodu kienu raw lil Daphne Caruana Galizia fuq laptop, fil-pjan sabiex jisparaw lill-vittma.

Robert Agius tal-Maksar flimkien ma’ Jamie Vella kienu ħadu tliet riffles, b’wieħed minnhom biss kien fi kwalità tajba. Qal kif hu u Alfred Degiorgio kienu raw dawn ir-riffles FIL-garaxx taħt l-art fin-Naxxar. Vince Muscat qal kif kemm Robert u kemm Jamie kienu jafu bil-pjan li se tinqatel Daphne Caruana Galizia.

11:48 – Qal kif kienu jqattgħu ħinijiet twal f’dan il-post sabiex isegwu lil Caruana Galizia u qal kif hu u Alfred Degiorgio kienu jpejpu u biex ma jħallux traċċi warajhom kienu jarmu s-sigaretti fi flixkun tal-ilma.

11:45 – Alfred Degiorgio kien qallu lil Vince Muscat, li Melvin Theuma kien ċempillu u qallu biex jgħaġġlu fil-pjan qabel ma’ Caruana Galizia toħroġ xi dettalji. Meta mistoqsi, Vince Muscat qal li ma jafx fuq xiex inhuma dawn id-dettalji.

11:33 – Muscat qal li ppruvaw isibu xi ħaġa minħabba li qal li huma ma kellhomx daqstant informazzjoni fuq Caruana Galizia.

11:32 – Qal kif huma krew karozza tat-tip Peugot 406 minn Ħal Luqa u biha bdew isegwu lil Caruana Galizia. Qal kif huma għaddew minn kull akwata tal-Bidnija, biex jaraw jistgħux isibu xi ħaġa. Alfred Degiorgio kif qal lil Vince Muscat kif misshom iġibu karozza iżgħar minħabba t-toroq dojoq, li hemm madwar l-akkwati fejn kienet tgħix Daphne Caruana Galizia.

11:27 – Vince Muscat qal kif huma xtraw erba’ mobiles Nokia u jiswa madwar €30, wieħed għalih, ieħor għal Alfred Degiorgio, ieħor għal George Degiorgio u ieħor għal Melvin Theuma sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw. Muscat qal kif dawn il-mobiles inxtraw minn ħanut tal-Għarab u b’dawn il-mobiles kienu qed jikkomunikaw bihom.

11:24 – Qal kif huma kellhom tromba li xtrawha ftit qabel, fejn setgħu jaraw il-passi ta’ Caruana Galizia. Muscat semma kif ġieli kienet tħalliha barra u dejjem kienu jkunu Alfred Degiorgio u hu.

Qal kif darba minnhom Muscat wassal lil Alfred Degiorgio l-pjazza tal-Ħamrun, fejn hawnhekk iltaqa’ ma’ Melvin Theuma.

Darba minnhom meta kienu n-Naxxar, raw il-karozza ta’ Caruana Galizia u mar jiċċekkja jekk hiex qegħda hemmhekk. Qal kif huwa sabha hemmhekk taħdem fuq laptop u baqgħu jsegwuha.

11:16 – Qal kif huwa ilu jaf l-akkużati għal madwar 35-40 sena u kien jiltaqa’ magħhom fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Qal ukoll kif din it-tinda kienet f’idejn, l-aħwa Alfred u George Degiorgio.

Qal kif f’ġurnata minnhom fl-2017, Alfred Degiorgio qal li Vince Muscat mar fuqu Melvin Theuma u qal li għandu biċċa xogħol tajba.

Meta mistoqsi jekk jafx lil Melvin Theuma, Muscat qal li jafu.

Alfred Degiorgio qallu li din il-biċċa xogħol tinkludi li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.

Hawnhekk, l-aħwa Degiorgio flimkien ma’ Vince Muscat, iltaqgħu fit-tinda tal-patata u ftemu li se jieħdu €150,000 bejniethom.

Vince Muscat qal kif għal darba darbtejn wassal lil Alfred Degiorgio f’kafetterija fl-Imsida, fejn hawnhekk Degiorgio ltaqa’ ma’ Melvin Theuma dwar ħlas. Muscat qal li huwa dejjem wassal lil Degiorgio sal-kafetterija u qatt ma’ daħal ġewwa. F’dawn il-laqgħat, skont Vince Muscat, qal kif tkellmu dwar il-ħlas tal-qtil.

Huma kellhom ħsieb li Alfred Degiorgio kien se jispara lil Daphne Caruana Galizia. Qal kif il-pjan kien li se jmorru jaraw fejn toqgħod u jsegwu l-passi tagħha u tinqatel Caruana Galizia.

F’Ġunju tal-2017, Alfred Degiorgio qallu li Melvin qallu biex imexxi bil-pjan u qallu sabiex imorru fl-istess kafetterija fl-Imsida sabiex jieħdu d-deposit ta’ €30,000. Qal kif minn hemm bdew jaħdmu sabiex joqtlu lil Caruana Galizia.

Qal kif huwa flimkien ma’ Alfred Degiorgio bdew isegwu l-passi tagħha u qal li huwa kien jaf li Caruana Galizia toqgħod il-Bidnija.

Muscat qal li l-ewwel darba li marru l-Bidnija kien hemm il-karozza ta’ Caruana Galizia fuq barra.

10:56 – Bil-bidu tax-xhieda tiegħu, Vince Muscat talab apoloġija lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li huwa ammetta u ħa s-sentenza għal dan il-qtil.

10:54 – Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti sabiex ismijiet li qatt issemmew matul dawn is-seduti, ma jixxandrux mill-midja, minħabba l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. Bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet din it-talba.

10:50 – Għall-ħabta tal-10:30 ta’ dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni, fejn fl-awla hawn preżenti hawn l-akkużati George u Alfred Degiorgio. Beda jixhed espert fl-IT, Keith Cutajar fejn qal kif wara l-aħħar seduta huwa ġie mqabbad biex jeqleb ir-recording f’MP3 u qal kif huwa se jippreżenta tliet kopji, waħda għall-prosekuzzjoni u parte civile, waħda għad-difiża u oħra għall-Maġistrat

Telgħet tixhed, Magheret Debattista, li qalet li taħdem Qorti ppreżentat kopja tat-traskrizzjoni tar-recordings, li kienet ġiet mitluba fl-aħħar seduta.

Is-Supretendent Keith Arnaud talab li Vince Muscat jixhed bilqegħda, bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit aċċettat din it-talba. Hawnhekk f’sigurta stretta ddaħħal Vince Muscat bħala l-Koħħu.

Aktar qabel – Illum, għall-ħabta tal-10:30 ta’ dalgħodu, Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu se jkun qed jixhed kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio.

Dan hekk kif dalgħodu se tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa Degiorgio, mixlija li huma l-eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Vince Muscat se jkun qed jixhed kontra l-aħwa Degiorgio, dan hekk kif lura fit-23 ta’ Frar huwa biddel il-verżjoni tiegħu u ammetta għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa ġie kkundannat 15-il sena ħabs.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend